Il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ mal-komunità Maltija fil-Lussemburgu li b’kollox tlaħħaq il-250 persuna.
Filwaqt li rringrazzjahom tal-ħidma li qed jagħmlu ‘l bogħod minn xtutna, Dr Muscat qal li jaf kemm dawn il-ħaddiema jħobbu lil Malta fl-istess ħin li jwettqu dmirhom għall-istituzzjonijiet Ewropej. “Waħda ma tmurx kontra l-oħra. Anzi, dan huwa l-aħjar mod kif tkomplu ttejbu r-reputazzjoni tagħna bħala pajjiż u bħala poplu”, qal il-Prim Ministru.
Dr Muscat spjega kif iltaqa’ ma’ Maltin f’uffiċċji importanti u dan jikkonferma kemm id-daqs tal-pajjiż mhu ta’ ebda xkiel għall-kapaċità tal-ħaddiema Maltin.
Waqt l-istess laqgħa, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li l-komunità Maltija fil-Lussemburgu mistennija tkompli tikber bis-saħħa tax-xogħol li qed isir biex jitħejjew iktar studenti Maltin għall-istituzzjonijiet Ewropej. Sostniet li Malta miexja ‘l quddiem ekonomikament u soċjalment, kif ukoll qed isservi ta’ mudell għal pajjiżi oħra fid-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza.
L-Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Qorti Ewropea, Eugene Buttigieg qal li fis-seba’ snin li ilu fil-Lussemburgu sema’ tifħir kontinwu għall-kapaċitajiet tal-Maltin li jaħdmu fl-istituzzjonijiet.
L-Ambaxxatur Ray Azzopardi sostna li n-numru ta’ Maltin li jaħdmu fil-Lussemburgu qed jibqa’ jiżdied u faħħar id-dover li qed iwettqu biex ikomplu jkabbru isem pajjiżna.