Fl-ewwel nofs ta’ Lulju, uffiċjali tal-infurzar tal-ERA qabdu 35 persuna joħorġu skart f’dati jew ħinijiet li mhux kif indikat mill-Kunsilli Lokali tal-ibliet jew irħula rispettivi.
Din hija ċifra ferm iktar għolja mis-soltu. Mill-bidu tas-sena fil-fatt, l-iktar xahar li kienu nqabdu nies kien fi Frar, meta 32 ruħ instabu jiksru l-liġi. Dan in-numru diġà nqabeż flewwel nofs ta’ dan ix-xahar.
Id-Direttorat tal-Infurzar tal-ERA ipproċeda wkoll billi ħareġ għadd ta’ multi fl-aħħar ftit ġimgħat. F’każijiet fejn inħareġ żibel mhux skont l-iskeda ngħataw multi ta’ €150 lejn kull min
kiser il-liġi.
Madwar 14-il uffiċjal mid-Direttorat tal-Infurzar tal-ERA iwettqu ronda almenu darbtejn filġimgħa madwar Malta u Għawdex, u joħorġu multi amministrattivi meta jaqbdu persuni
jiksru l-liġi fil-fatt.
Fl-ewwel nofs ta’ dan ix-xahar, inqabdu 21 persuna jiksru l-liġi f’Għawdex; 13-il persuna f’Marsalforn u tmienja fix-Xlendi. Fix-xhur preċedenti ta’ din is-sena, kienu nqabdu biss ħames persuni f’Għawdex (tlieta minnhom f’Ġunju). Dawk li nqabdu fil-fatt f’Għawdex kienu kemm individwi privati kif ukoll sidien ta’ ristoranti.
Fl-ewwel nofs ta’ Lulju, disa’ persuni oħra nqabdu fil-Qawra u Buġibba, erbgha oħra f’Ħal Luqa u oħra f’Marsaskala.
L-Aġenzija tal-Infurzar Lokali (LESA) hija responsabbli wkoll fl-infurzar f’dan ir-rigward. Ir-rwol tal-ERA bħala regolatur huwa separat mir-rwol tal-ġbir tal-iskart.
L-Awtorità tieħu l-opportunità tinkoraġġixxi lill-pubbliku jirrispetta d-dati u l-ħinijiet relatati mal-ġbir tal-iskart. Huwa obbligu ta’ kull ċittadin li jirrispetta r-regoli stipulati mil-liġi f’dan ir-rigward.