Raġel ta’ 25 sena residenti San Pawl il-Baħar qed isofri minn ġrieħi gravi hekk kif għall-ħabta tal-11:10 safa ferut f’wiċċu waqt argument li kellu ma’ raġel ta’ 44 sena minn San Ġiljan.
Fuq il-post fi Triq Għar Lapsi f’San Ġiljan, issejħu mal-ewwel il-Pulizija tad-Distrett u dawk tal-RIU flimkien ma’ amnulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar.
Minn investigazzjonijiet preliminari li saru, irriżulta li r-raġel ta’ 25 sena allegatament safa ferut permezz ta’ arma li taqta’ u bil-ponta.
Mara ta’ 32 sena, residenti San Ġwann li wkoll kienet involuta fl-argument u r-raġel ta’ 44 sena ma sofrew l-ebda ġrieħi.
Is-suspettat qed jinżamm mill-pulizija sabiex jiġi mitkellem, filwaqt li l-investigazzjonjiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.