One.com.mt jinsab infurmat li raġel ta’ 41 sena miż-Żejtun li jumejn ilhu ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat bi vjolenza domestika fuq martu, reġa ġie arrestat il-Ħadd wara li nqabad jisraq minn għand il-kunjata tiegħu.
Sorsi qrib il-Pulizija kkonfermaw li r-raġel li ismu ma jistax jixxandar inqabad fil-fatt jisraq mid-dar ta’ omm is-sieħba tiegħu.
Huwa tressaq il-Qorti nhar il-Ġimgħa akkużat li ġurnata qabel wettaq vjolenza domestika fuq il-mara tiegħu u li taha fastidju billi heddidha bil-mewt. Huwa ġie mixlu wkoll li bl-imġieba tiegħu kkaġuna biża’ fuq martu.
Huwa kien ngħata l-liberta’ proviżorja fuq garanzija personali ta’ €5,000, u kif ukoll ġie mwissi biex ma jersaqx lejn il-mara. Mhux eskluż li r-raġel jerġa jitressaq il-Qorti fis-siegħat li ġejjin akkużat bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-liberta’ proviżorja u b’serq.