Fejn nista’ nsib soluzzjoni għall-ġid tal-pajjiż, se nsibha. Kliem il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat meta f’intervista li xxandret il-Ħadd filgħodu fuq ONE Radio tkellem dwar il-pożizzjoni li tieħu Malta quddiem l-isfida tal-immigrazzjoni. Hawnhekk enfasizza li l-Gvern irid iħares l-interess nazzjonali u d-dinjità umana, u saħaq li Malta tonora dejjem l-obbligi internazzjonali tagħha.
“Aħna dmirna internazzjonalment nibqgħu nagħmluh. Jekk ikun hemm persuni fl-ibħra tagħna taħt ir-responsabbiltà tagħna u dawn ikunu qegħdin jgħerqu, jew imutu, jien mhux se nħallihom jgħerqu jew imutu”, qal il-Prim Ministru.
Meta ta rendikont tar-realtajiet differenti li hemm fil-baħar Mediterran, il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-ħidma tal-awtoritajiet Libjani:
“Hemm għexieren ta’ każijiet li l-Libjani issa qegħdin meta jintraċċaw dgħajjes li jkunu telqu mil-Libja u jkunu ġejjin lejn Malta, lejn l-Italja, joħorġu għalihom u joħduhom lura. Qegħdin fil-kompetenza tagħhom, fl-ambitu tal-liġi internazzjonali. Dik parti mill-istrateġija li aħna lkoll nemmnu li hija essenzjali.”
Il-Prim Ministru Muscat fakkar ukoll li Malta kemm-il darba kellha rwol kruċjali biex jinstabu soluzzjonijiet fuq il-kwistjoni tal-migrazzjoni irregolari. Semma kif fl-aħħar ġimgħa Malta affaċċjat sitwazzjoni ta’ bastiment li salva xi persuni qrib it-Tuneżija li ma tħalliex jidħol l-Italja:
“Lit-Taljani għidnilhom li jekk għal raġunijiet tagħkom, għax din kienet NGO Taljana, ma tridux li jidħol l-Italja aħna lesti li jidħlu Malta imma tridu tieħdu l-ekwivalenti tan-nies. It-Taljani aċċettaw.”
Irrefera wkoll għall-każ tal-bastiment Alan Kurdi li ddaħħal Malta fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, li ma kienx responsabbiltà tal-Gvern Malti u allura kien miftiehem mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Gvern Ġermaniż biex dawk abbord ma jibqgħux pajjiżna u b’hekk il-piż jinqasam b’mod ġust. “Il-verità hi li dan hu mod kif nuru rieda tajba, nipproteġu l-interess Nazzjonali u nħarsu d-dinjità umana”, temm jgħid il-Prim Ministru.