Hekk kif is-sajf daħal ġmielu u l-Maltin qegħdin jitpaxxew bix-xemx sħuna li taf toffri din il-gżira, id-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni ta’ mard, nieda l-kampanja ‘Summer Saftey’ sabiex jeduka lill-poplu dwar is-saħħtu fil-jiem tas-sajf.
Id-Direttur fid-Dipartiment tas-Saħħa, Paula Vassallo, spjegat ma’ One News l-għan ewlieni ta’ din il-kampanja.
Spjegat kif “Ħassejna li nagħmlu kampanja ħolistika kemm fuq l-avviżi li nagħtu x’għandu jagħmel wieħed meta jkun hemm it-temperaturi għoljin kemm prevenzzjoni fuq il-kanċer tal-ġilda, ukoll biex wieħed jixrob aktar ilma.
Bla dubju, aħna l-Maltin inħobbu żaqqna, mhux l-inqas ix-xiwi tal-laħam fuq il-gradilja tal-BBQ.
Kien għalhekk li d-dipartiment nieda ktejjeb apposta li fih bosta pariri sempliċi u prattiċi biex l-ikel fuq il-BBQ jissajjar b’mod sigur, l-aktar kif għandu jinxtewa l-laħam tat-tiġieġ fuq il-gradilja. Dan għall-fatt li jista’ jkun sors ta’ avvelenar bl-ikel minħabba li l-laħam jissajjar dirett fuq il-gradilja.
Fost oħrajn iwissu biex il-pubbliku joqgħod b’sebgħa għajnejn għal-laħam fuq il-bbq.
Jgħid li l-laħam u t-tjur jistgħu jinħatfu malajr meta tiggriljalhom u jistgħu jagħtu l-impressjoni li saru. Qal li dan jista’ ma jkunx il-każ u għalhekk jissuġġerixxi l-użu ta’ termometru tal-laħam biex jiġi assigurat li l-laħam iggriljat ikun laħaq it-temperatura interna irrakkomandata li toqtol il-mikrobi li jagħmlu l-ħsara.
Hawnhekk jirrakkomanda li biċċa laħam tajba fuq il-bbq titħalla tinxtewa għal tliet minuti f’temperatura ta’ aktar minn 63 grad celcius waqt li l-burgers jitħallew jinxtwew f’tempeatura ta’ 71 grad celcius.
Parti oħra mill-ktieb tagħti sensiela ta’ riċetti b’togħmiet bnini u appetitużi waqt li wkoll jingħata l-parir dwar it-tqassim tal-ikel, jiġifieri li nofs il-platt għandu jikkonsisti f’diversi ħxejjex preferibbilment staġjonali filwaqt li n-nofs l-ieħor jikkonsisti f’porzjon ta’ ikel tal-karboidrati flimkien ma’ porzjon ieħor ikel tal-proteini. Dawn ir-ricetti huma bbażati fuq id-dieta mediterranja.