B’veduta tpaxxi l-għajn, b’proġett ta’ madwar kwart ta’ miljun ewro, ġie inawgurat mill-ġdid it-Torri ta’ Xutu f’Wied iż-Żurrieq/ Dan wara li għal bosta snin tħalla fi stat ta’ telqa u issa bis-saħħa tal-Fondazzjoni tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta reġa’ ngħata l-ħajja wara li sarlu diversi xogħlijiet ta’ restawr.
Dan it-torri li nbena mill-Gran Mastru Lascaris fl-elf sitt mija tmienja u erbgħin, serva għal diversi snin bħala post għall-għassa u gwardja kif ukoll bħala stazzjon għall-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.
Dr. Stanley Farrugia Randon, volontier ta’ Din l-Art Ħelwa, spejga ma’ One News ix-xogħlijiet ewlenin li saru fuq dan it-torri, bis-siment ikun l-akbar ostaklu.
“kellna nneħħu ħafna siment li kien hemm ġewwa u barra t-torri kif ukoll fil-ħitan ta’ barra. Is-siment nafu li jagħmel ħafna ħsara għax ma jħallix l-ilma joħroġ mill-ħitan allura meta jixxarbu l-ħitan is-siment iżomm l-ilma hemmek u jagħmel ħafna ħsara lill-ġebla Maltija, għax hija puruża ħafna”
It-Tabib spjega wkoll li apparti dan, saru wkoll xogħlijiet kruċjali fuq il-bejt tat-torri għax seta’ jisfronda.
Min-naħa tiegħu Fredrick Mifsud Bonnici, iċ-ċermen tal-Fondazzjoni tal-Ajruport, spjega li l-ħsieb ewlieni wara dan il-proġett kien, li minbarra jiġbdu aktar nies lejn Malta, jagħtu imbuttatura kbira lil pajjiżna sabiex meta jiġu rrestawrati siti kulturali bħal dan it-torri, jibqgħu jinżammu fi stat tajjeb fis-snin ta’ wara.
“hija li dawn is-siti li nażlu ikunu jistgħu jiġu mantenuti għax Malta għandna sfortunatament il-problema li nirranġaw ċerti affarijiet imbgħad nabbandunawom u jkun qisu sar għalxejn”
Bi skeda u ħinijiet apposta, kemm il-Maltin kif ukoll it-turisti li jżuru dan is-sit kulturali, il-pubbliku issa jista’ jitpaxxa u jgawdi ziffa friska minn fuq il-bejt tat-torri, bil-veduti mill-isbaħ tal-baħar Malti kif ukoll bil-gżira ċkejkna ta’ Filfla.