Il-pulizija għadha tistenna biex tkun tista’ tkompli bl-interrogazzjoni ta’ Andrew Mangion u tkun tista’ tressqu l-Qorti akkużat bil-qtil ta’ Eleanor Mangion Walker, li kien qed jissepara minn magħha.
Il-pulizija diġa’ għandha każ b’saħħtu kontra r-raġel li huwa maħsub li qatel lill-mara, ta’ 33 sena, fis-Swieqi u permezz ta’ vann ħadha f’maħżen f’Ħal Qormi fejn il-Ħadd 3 ta’ Lulju saret is-sejba. Biex wara jumejn imfittex Mangion kien ta ruħu b’idejh u minn hemm kien rikoverat għall-kura psikjatrika fl-isptar Mount Carmel.
Din hi xi ħaġa li żammet lill-pulizija milli jkomplu għaddejin bil-proċess li jwassal biex Mangion jidher il-Qorti.
Imkejjen fil-korp ikkonfermaw ma’ one.com.mt li sal-aħħar sigħat il-pulizija kienet għadha tistenna. “Xi ftit frustranti meta tħoss li hemm każ b’saħħtu. Peró trid tara li jsir kollox sew u hawn nieħdu ħafna l-parir tal-psikjatra. M’għandna nħallu xejn li jaffetwa l-każ tagħhna,” qal investigatur ta’ esperjenza fil-Korp.