It-tielet tellieqa tal-BSJ Arena Open Water Swimming Championships seħħet nhar l-Erbgħa li għadda fejn ġiet irreġistrata parteċipazzjoni tajba minkejja t-theddida tal-bram u mbatt ftit qawwi.It-tellieqa ntrebħet minn Andre Camilleri. Camilleri ma kienx preżenti fit-tieni tellieqa minħabba impenji internazzjonali fil-Kampjonati Junior tal-Għawm fl-Ungerija, iżda għamel ritorn fuq il-podju, b’rebħa, f’ħin ta’ 24 minuta 10 sekondi. Fit-tieni post kien Stefano Debono Grech segwit minn Nathan Cachia. L-għawwiema kollha rreġistraw l-aħjar ħinijiet tagħhom fis-Serje s’issa, billi naqsu sekondi mill-ħin tlielaq preċedenti.
Fil-Kategorija tan-Nisa, Sarah Demicoli, li kienet ukoll it-tieni għawwiema li ħarġet mill-ilma, irreġistrat rebħa oħra. Simili għal Camilleri, Demicoli ma ħadietx sehem fit-tieni tellieqa wara li ħadet sehem fil-FINA / CNSG Marathon Swim World Series 2019 fl-Ungerija. Fit-tieni post daħlet Leah Satariano li qatgħet kważi żewġ minuti mill-ħinijiet preċedenti tagħha. Fit-tielet post daħlet Nicole Saia.
Ir-raba tellieqa tas-Serje, ser ssir nhar l-Erbgha 10 ta’ Lulju fis-6pm. Ir-reġistrazzjonijiet jistgħu jsiru online fuq il-websajt tal-Klabb – www.bkarastjoseph.com jew sa siegħa qabel il-bidu tat-tellieqa nhar l-Erbgħa.