Il-bord tal-Matrikola ħabbar numru ta’ riformi proposti fiċ-ċertifikat tal-matrikola li jingħata lil studenti li jkunu temmew l-edukazzjoni sekondarja.
Fost ir-riformi proposti hemm li studenti li jidħlu fis-sistema edukattiva post-sekondarja jiġu rikonoxxuti għall-attivitajiet extra-kurikulari.
Għal dawn ir-riformi proposti infetħet konsultazzjoni sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Is-Sur Dario Pirotta, Direttur tal-MATSEC, tkellem dwar il-fatt li ħafna studenti jagħmlu diversi attivitajiet li sa issa qatt ma ġew rikonoxxuti għalihom.
“Mill-2020, studenti li jagħmel tal-inqas tmenin siegħa f’attività barra mill-edukazzjoni formali jista’ jikseb tliet punti oħra fiċ-ċertifikat tal-matrikola”, spjega s-Sur Pirotta.
Intqal li din l-attività edukattiva extra-kurikulari trid ikollha superviżjoni ta’ edukaturi fl-iskola iżda l-attività tista’ ssir lil hinn mill-parametri tal-iskejjel tagħna.
L-atleti li jibbrillaw ukoll se jiġu rikonoxxuti għall-isforzi u t-talenti tagħhom hekk kif flok jistudjaw sitt suġġetti se jkunu jistgħu jistudjaw ħames suġġetti u d-dixxiplina sportiva li jipprattikaw tkun meqjusa bħala s-sitt suġġett f’livell intermedju.
Studenti li anki huma involuti fil-qasam artistiku bħal drama, mużika eċċ ukoll se jiġu rikonoxxuti fiċ-ċertifikat tal-Matrikola.
Riforma proposta oħra li tolqot l-għajn hija li mis-sena 2021, studenti f’livell post-sekondarju jridu jistudjaw lingwa barranija oħra f’livell intermedju jew livell avvanzat.
Dan ifisser li student, apparti li jekk jagħżel l-Malti jew l-Ingliż, xorta jrid ikollu jagħżel lingwa barranija oħra, bħal Taljan, Franċiż, Spanjol jew Ġermaniż, fost oħrajn.
Għal din il-bidla se jiġu introdotti numru ta’ sillabi f’lingwi barranin biex jgħinu lill-istudenti jtejbu l-ħiliet fil-lingwa barranija.
“Jeħtieġ inħarrġu l-istudenti għall-aktar lingwi mitkellma, u din hija proposta li tmur id f’id ma’ dan il-ħsieb”, saħaq il-bord tal-Matrikola. Intqal ukoll li din il-proposta ġiet wara rakomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea favur tisħiħ tal-profiċjenza f’aktar lingwi barranin.
Intqal ukoll li s-suġġett magħruf bħala ‘Systems of Knowledge’ ukoll se jkollu bidliet fih fejn għall-ewwel darba se jibda jiġi mgħallem mhux biss bl-Ingliż imma anki bil-Malti.
Fih se jkollu temi li jgħaddu tagħrif kulturali lill-istudenti filwaqt li jitjiebu l-ħiliet komunikattivi tal-istudenti li jagħżlu t-triq akkademika.
Filwaqt li t-tema kulturali fis-‘Systems of Knowledge’ se jiġi assessjat b’eżami, it-tema tal-komunikazzjoni se tkun imkejla b’assessjar informali matul is-sena akkademika. Intant il-proġett li l-istudent kien jiġi eżaminat għalih f’dan is-suġġett ser jitnehha.