Ħal Qormi qed ifakkar il-ħamsa u sebgħin sena anniversarju min meta ħarġet l-istatwa ta’ San Bastjan mat-toroq ta’ Ħal Qormi.
Kien lura fid-9 ta’ Lulju 1944, hekk kif għadda l-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija li l-istatwa ta’ San Bastjan ħarġet għall-ewwel darba, mat-toroq ta’ Ħal Qormi. Dakinhar l-istatwa ħarġet mill-knisja ż-żgħira, hekk kif inhi magħrufa, u li baqgħet tintuża sal-bidu tat-tmeninijiet.
Dan l-anniversarju speċjali għall-Qriema qed ikun imfakkar b’festi speċjali f’Ħal Qormi. Dan hekk kif is-Sibt filgħodu l-istatwa ta’ San Bastjan ħarġet min niċċa sabiex tibda dawn il-festi speċjali li se jwasslu għall-Ħadd 21 ta’ Lulju.
Parti mill-qofol ta’ dawn il-festi speċjali se tkun nhar it-Tlieta, fil-75 sena anniversarju tal-ewwel darba li ħarġet l-istatwa ta’ San Bastjan. Filfatt f’ċerimonja meqjusa bħala storika għall-Qriema, l-istatwa se toħroġ mill-Knisja Arċiepretali ta’ San Bastjan u tmur lejn iż-żona tal-Vitorja li hija parti mill-paroċċa ta’ San Ġorġ.
Ic-Chairperson ta’ dan l-anniversarju, is-Sur Charles Saliba qal li l-purċissjoni se tgħaddi min hawn minħabba li hu mifhum li l-kult ta’ San Bastjan beda minn dawn in-naħat, filwaqt li fiċ-ċelebrazzjoni se jieħdu sehem fiha ż-żewġ paroċċi.
“Hu mifhum li kien hemm kappella fiż-żmien tal-1500 u qabel, li kienet iddedikata lil San Bastjan u allura ħa mmoru hemmhekk biex infakkru fejn beda l-kult ta’ San Bastjan u f’dak il-lokal se jkun hem iż-żewġ arċiprieti, l-Arċipriet ta’ San Ġorġ u l-Aripriet tal-parroċċa tagħna, li flimkien se jkunu qed jagħmlu proġett ta’ talb u wara l-purċissjoni tibqa’ sejra hemmhekk.” Qal Saliba.
Il-purċissjoni se tispiċċa fil-knisja l-qadima fejn l-istatwa ta’ San Bastjan se tkun hemmhekk għal dawk il-jiem sakemm imbagħad it-Tnejn 15 ta’ Lulju, l-istatwa terġa lura lejn il-Knisja Arċipretali ta’ San Bastjan.
Il-messaġġ ta’ dan l-anniversarju huwa “kunu intom ukoll qaddisin”, li l-Arċipriet ta’ din il-paroċċa, Dun Ewkarist Zammit qal li dan il-messaġġ qalu San Pietru lid-dixxipli. L-Arċipriet qal li dan il-messaġġ huwa importanti għaliex San Bastjan irid jara lill-uliedu biex jimxu b’mod tajjeb fil-fidi tagħhom. Huwa kompla billi qal li dan il-mument huwa importanti għall-paroċċa.
L-Arċipriet qal, “Bħala paroċċa dan il-mument huwa importanti ħafna għaliex San Bastjan huwa padrun protettut ta’ din il-paroċċa u rridu nħalluh idawwalna billi nimxu fuq l-eżempju tiegħu, aħna wkoll nippruvaw inħobbu lil Ġesu’.”
Dan l-anniversarju qed jgħaqqad li żewġ paroċċi ta’ Ħal Qormi hekk kif anke il-baned mużikali se jkunu qegħdin jieħdu sehem.
Saliba stqarr, “Aħna ħassejna li din id-darba, għandna mmorru fil-post minfejn beda l-kult ta’ San Bastjan biex niċċelebraw din iċ-ċelebrazzjoni flimkien. Hija okkazzjoni ta’ Ħal Qormi kollu.”