Ta’ spiss nisimgħu b’inċidenti tat-traffiku.
Filmati li ġibed ONE News fil-pjazza tal-Mosta, joħroġ biċ-ċar ukoll li l-periklu fit-triq jista’ jinħoloq mill-partijiet kollha involuti fit-triq.
Dan hekk kif diversi persuni li riedu jaqsmu t-triq, għamlu dan bl-addoċċ minn bejn il-karozzi meta propju kien hemm zebra crossing ftit metri biss ‘l fuq.
Mill-banda l-oħra kienu għexieren ta’ persuni li għażlu li jaqsmu t-triq b’mod sigur, kemm għalihom kif ukoll għas-sewwieqa.
Mill-filmati li ġbidna ħdejn ir-Rotunda tal-Mosta , joħroġ biċ-ċar ukoll kemm hemm min jipparkja ħażin, imqar jekk għal ftit minuti, f’post fejn jieqfu l-karozzi tal-linja. Min sabiex jixtri mingħand tal-pastizzi, u oħrajn għal xi ġelat biex jiffriskaw ftit filwaqt li jħallu lil ħaddieħor jinqela fix-xemx għax qed jistennew lil proxxmu jirranġa l-karozza.
Sakemm domna fuq il-post innutajna diversi karozzi tal-linja li kellhom jimmanuvraw bejn dawn il-karozzi pparkjati sabiex ikunu jistgħu jniżżlu u jgħabbu l-passiġġieri.
Min-naħa l-oħra, fiċ-ċentru tal-Mosta stajna ninnutaw diversi sewwieqa li jagħmlu użu mill-indicators. Ħaġa li bħal donnu hija stramba għal sewwieqa fil-periferija tar-raħal.
Dan għaliex meta morna fir-roundabout li mill-Mosta tieħdok lejn San Pawl il-Baħar jew Santa Margerita, mill-mijiet ta’ karozzi li osservajna, qajla rajna sewwieqa jużaw l-indicator.
Stajna naraw ukoll f’diversi okkażjonijiet min bil-kemm jagħti kas li min qed idur ir-roundabout għandu d-dritta, u min tal-inqas f’okkażjoni waħda, kien hemm min baqa’ għaddej meta kien hemm vettura qiegħda ddur r-roundabout.
Iżda mhux kollox negattiv. Mill-karozzi kollha li rajna, kull sewwieq kien liebes is-seatbelt!