Fi stqarrija l-Gvern nnota r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar l-ingaġġ ta’ deputati parlamentari mal-gvern u se jkun qed jeżaminah f’aktar dettall.
Dan ir-rapport jikkritika l-ingaġġ ta’ membri parlamentari fis-settur pubbliku.
Il-Gvern spjega l-Kummissarju innifsu George Hyzler innota taħt amministrazzjonijiet preċedenti ġiet adottata l-prattika li deputati jinħatru bħala assistenti parlamentari biex jassistu Ministri jew Segretarji Parlamentari u safejn kien infurmat kien hemm żewġ okkażjonijiet meta backbencher inħatar bħala chairman ta’ korp imwaqqaf b’liġi.
F’dan il-kuntest il-Gvern fakkar li uħud mill-konsulenzi u mis-servizzi li joffru ammont ta’ membri parlamentari miż-żewġ naħat għadhom jintirtu minn żmien gvernijiet preċedenti u li qatt ma twaqqfu.
Ir-rapport innifsu jgħid ukoll li parir legali li ħa l-Kummissarju għall-Istandards fil-ħajja pubblika jgħid ċar u tond li l-ħatra ta’ deputati bħala konsulenti legali jew ta’ xorta oħra mal-Gvern ma tmurx kontra l-Kostituzzjoni.
Ir-rapport tal-Kummissarju jisħaq li biex ċertu prattiċi li hu ma jaqbilx magħhom jieqfu għandhom jiżdiedu l-pagi tal-politiċi.
Dan ir-rapport issa se jkun qed jgħaddi għand il-President ta’ Malta peress li huwa wkoll Chairman tal-Kummissjoni għar-Riforma fil-Kostituzzjoni.
Finalment il-Gvern temm jisħaq li dan ir-rapport jikkonferma wkoll kemm il-Gvern Laburista ħoloq istituzzjonijiet b’saħħithom li huma indipendenti mill-eżekuttiv.