Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia spiċċa juża l-midja tiegħu kontra d-deputati fuq il-bankijiet tiegħu stess.
Fil-ħarġa tan-Nazzjon tal-Ħamis f’waħda mill-paġni ta’ dan il-ġurnal spikkat ittra anonima ffirmata ‘niġbdu ħabel wieħed’.
Din l-ittra li kienet indirizzata lill-editur ffukat fuq il-qasma li bħalissa qiegħda tirrenja fil-Partit Nazzjonalista. Filfatt il-kittieb qal li li bħalissa tinsab għadejja kampanja bejn min hu favur u kontra l-Kap Adrian Delia.
Il-persuna li kitbet din l-ittra fakkret lill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li Adrian Delia ġie elett b’mod demokratiku mit-tesserati kollha tal-Partit u għalhekk ħadd ma jista’ jiċħad dan ir-riżultat.
Il-kittieb fakkar fil-valur tad-demokrazija u sostna li għalkemm huwa pprefera kandidat ieħor, jekk il-maġġoranza għażlet lil Delia, ir-riżultat għandu jkun aċċettat.
Hawnekk saħansitra qal li ħadd m’għandu jagħmel bsaten fir-roti.
Meta tkellem dwar l-akbar żewġ telfiet elettorali fl-istorja politika ta’ pajjiżna, il-kittieb staqsa lil dawk tal-fazzjoni ta’ kontra Delia jekk tabilħaqq tawx sehemhom f’dawn l-elezzjonijiet.
Fil-fatt hawnhekk qal li jekk dawn in-nies li kkritikaw il-kap u ma ħarġux jivvutaw fl-elezzjonijiet ta’ Mejju li għadda, la għandhom dritt għar-rebħ u lanqas għat-telf.
Finalment il-kittieb għalaq b’talba liż-żewġ fazzjonijiet sabiex jagħmlu ħilithom u jibdew jiġbdu ħabel wieħed.
Din l-ittra ġiet ppubblikata fl-isfond ta’ kriżi bla preċedent li ħakmet lit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista b’deputati ta’ Partit fi gwerra mdemmija kontra xulxin li s’issa diġà wasslet għal numru kbir ta’ riżenji minn pożizzjoniiet għolja tal-Partit Nazzjonalista.