Bi tmien voti kontra wieħed, il-ġurati ddeċidew li Michael Emmanuel ta’ ħamsa u tletin sena mill-Kosta tal-Avorju ma kienx fi stat ta’ ġenn meta qatel lis-sieħba tiegħu Maria Lourdes Agius f’Settembru tas-sena li għaddiet.
Qabel daħlu jiddeliberaw, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet lill-ġurati, seba’ nisa u erba’ rġiel, li mhux kull marda mentali twassal għal stat ta’ ġenn skont kif tfisser il-liġi waqt li spjegat lill-ġurati d-definiazzjoni legali li ggwidathom kif għandhom jevalwaw il-provi li semgħu u raw.
Din il-proċedura fil-qorti magħrufa bħala ġurin bdiet it-Tnejn li għadda wara li fil-kumpilazzjoni tax-xhieda, l-akkużat allega li kien fi stat ta’ ġenn meta wettaq ir-reat.
Tul il-ġurin tliet psikjatri xehdu li kien hemm mumenti f’ħajjet l-akkużat fejn kellu episodji ta’ ġenn.
Madankollu, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Avukati Matthew Xuereb u Charles Mercieca mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur James Grech u Sara Zerafa, irnexxielha tipprova li l-akkużat ma kienx fi stat ta’ ġenn meta wettaq ir-reat.
Fi tmiem is-seduta tal-lejla, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera bagħtet l-atti tal-kumpilazzjoni tax-xhieda quddiem il-qorti tal-maġistrati sabiex aktar tard jissokta l-ġuri dwar l-omiċidju ta’ Maria Lourdes.