Hekk kif il-ġuri ta’ Michael Emannuel wasal fi tmiemu l-imħallef Consuelo Scerri Herrera bdiet tindirizza l-ġurati l-Ġimgħa filgħodu. Dan qabel il-ġuri tibda bid-deliberazzjoni tagħha dwar jekk l-akkużat kienx fi stat mentali rikjest mill-liġi fil-mument li fih wettaq ir-reat li bih allegatament qatel lis-sieħba tiegħu Maria Lourdes Agius f’Raħal Ġdid.
Il-bieraħ kemm il-prosekuzzjoni, kif ukoll id-difiża għamlu l-argumenti konklussivi tagħhom quddiem il-ġurija.
L-avukati tal-għajnuna legali, Marc Sant u Dustin Camilleri, li qed jidhru għall-akkużat saħqu li l-klijent tagħhom ma kienx f’sensieħ fil-mument li fih wettaq ir-reat.
Il-Prosekutur Matthew Xuereb, mill-uffiċċju tal-avukat ġenerali, stqarr quddiem il-ġurati li għalkemm lill-pulizija qalilhom li kulma għamel kien li għafsilha kurċifiss m’għonqha, jidher ċar li l-akkużat kien fgaha wara li taha numru ta’ daqqiet ġo rasha.
Xuereb stqarr li meta l-akkużat sab lil Maria Lourdes mejta, huwa ma ċempilx għall-għajnuna iżda mar dritt lejn l-għassa. Prova oħra li mill-ewwel beda jaħseb fuq ir-responsabbiltà kriminali.