Fl-argumenti konklussivi fil-ġuri li jinsab għaddej Michael Emanuel mill-Kosta tal-Avorju dwar il-qtil tas-sieħba tiegħu Maria Lourdes f’darha f’Raħal Ġdid, il-prosekuzzjoni saħqet li fuq għonq il-vittma ma nstabu l-ebda marki ta’ kurċifiss u li s-sejbiet fl-awtopsja ma kinux jaqblu mal-istorja tal-akkużat.
Dan wara li Emmanuel kien qal lill-pulizija li hija kienet talbitu joqtolha b’kurċifiss.
Jekk wara l-ġuri jinstab li l-akkużat kien fi stat ta’ ġenn meta wettaq ir-reat huwa jiġi eżentat bil-liġi mir-responsabbiltà kriminali u għalhekk ma jkunx jista’ ikompli l-proċess kontrih.
Il-Prosekutur Matthew Xuereb, mill-uffiċċju tal-avukat ġenerali, stqarr quddiem il-ġurati li għalkemm lill-pulizija qalilhom li kulma għamel kien li għafsilha kurċifiss m’għonqha, jidher ċar li l-akkużat kien fgaha wara li taha numru ta’ daqqiet ġo rasha.
Xuereb xehed li meta l-akkużat sab lil Maria Lourdes mejta, huwa ma ċempilx għall-għajnuna iżda mar dritt lejn l-għassa. Prova oħra li mill-ewwel beda jaħseb fuq ir-responsabbiltà kriminali.
Wara l-argumenti konklussivi tad-difiża, il-ġurati mistennija jiddeliberaw u jieħdu deċiżjoni dwar jekk l-akkużat kienx fi stat ta’ ġenn meta wettaq ir-reat.