Is-segretarju Ġenerali Nazzjonalista Clyde Puli akkuża lir-reporter ta’ The Times of Malta Ivan Camilleri b’fake news u bi stejjer ivvintati.
Ivan Camilleri li huwa biċċa waħda mal-fazzjoni Busuttil, kiteb storja li Puli mhux mistenni li jerġa’ jikkontesta għall-kariga f’Novembru li ġej.
Huwa żied jikteb li fl-aħħar elezzjoni ġenerali, Puli bata’ mhux ftit biex jitla’ fil-Parlament u għalhekk se jmur lura lejn xogħlu mal-Gvern biex jiffoka fuq id-distrett. Dan bit-tama li jiġi elett fil-Parlament.
L-artiklu kien akkumpanjat b’ritratt ta’ Puli bi stħarriġ tal-fehma pubbliku f’idu meta mar fuq NET TV jipprova jċekken ir-riżultat elettorali diżastruż ta’ Mejju li għadda.
L-artikolist qal li Puli kompla jnaqqas mill-popolarità man-Nazzjonalisti għax kien parti mit-tmexxija li wasslet għaż-żewġ telfiet storiċi.
Camillier qal li tkellem ukoll ma’ persuna qrib ħafna ta’ Puli, li qal li ħa jipprova jitlaq mill-kariga tas-segretarju ġenerali biex isalva postu bħala deputat.
B’reazzjoni għal din l-istorja fit-Times, Clyde Puli akkuża lil Ivan Camilleri u lit-Times, b’fake news.
Qal li Camilleri reġa’ gideb fuqu biex ħeba storja fattwali dwar eluf ta’ firem favur Adrian Delia. Dan biex tefa’ dawl qawwi fuq storja vvintata biex jiddevja l-atttenzjoni.
“Imkien m’għedtlu li mhux se nikkontesta. Dik fajjarha hu. Għedtlu wkoll li miniex se nċedi għall-ispin, il-gideb u l-assassinju tal-karattru,” sostna Puli.
Clyde Puli qiegħed jiġi kritikat mill-fazzjoni Busuttil għax jemmnu li bl-arroganza tiegħu, qiegħed jagħmel aktar ħsara mill-ġid lill-Partit Nazzjonalista u għalhekk għandu jitlaq.