Aktar minn ħamsin persuna nqatlu f’attakk fuq ċentru ta’ detenzjoni qrib il-kapitali Libjana, Tripli.
Il-Ġnus Magħquda tinsab imħassba b’dan l-attakk deskritt bħala sistematiku għaliex hu mifhum li xi gwardjani għassa maċ-ċentru fejn kienu l-immigranti sparaw lil dawk il-persuni li pruvaw jaħarbu mill-attakki li bdew isiru mill-ajru.
Il-Kummissarju Għoli tal-Ġnus Magħquda Michelle Bachelet sostniet li dan l-attakk jista’ jitqies bħala att ta’ kriminalità ta’ gwerra.
Il-Gvern Libjan u l-milizzja ta’ ribelli li qed topponi l-Gvern rikonoxxut internazzjonalment tefgħu l-ħtija fuq xulxin għal dan l-attakk li seħħ f’Tajura.
Intant il-Gvern Malti jinsab maħsud bl-aħbar dwar attakki mill-ajru.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qal li dan l-attakk inuman u insensittiv ifakkar fir-realtà kerha tas-sitwazzjoni umanitarja fil-Libja u l-bżonn ta’ azzjoni konkreta biex jiġi evitat li s-sitwazzjoni tkompli tiddeġenera.
“Bħala Malta wkoll inkomplu bil-kuntatti, kif għamilna f’dawn l-aħħar xhur ma’ l-ogħla awtoritajiet Libjani kemm f’Malta, kif ukoll barra minn Malta u allura l-isforzi ta’ Malta huma li kemm jista’ jkun inqarbu lejn xulxin dawn l-awtoritajiet Libjani kollha u nibqgħu nagħtu l-appoġġ lil poplu Libjan,” saħaq il-Ministru għall-Affarijiet Barranin.
Il-Ministru Abela kkundanna b’ikbar qawwa dawn l-atti ta’ vjolenza kontra persuni ċivili, immigranti u refuġjati, u tenna l-ħtieġa li kull parti involuta tieqaf mill-ksur tal-liġi internazzjonali umanitarja.
Quddiem din is-sitwazzjoni mwiegħra, il-Ministeru sostna l-bżonn ta’ waqfien mill-ġlied bejn il-partijiet involuti f’kordinazzjoni mal-missjoni speċjali tal-Ġnus Magħquda fil-Libja.
“Naturalment bħala komunità internazzjonali għandna bżonn inkomplu nuru mhux biss solidarjetà mal-poplu Libjan imma wkoll l-appoġġ tagħna lir-rappreżentant tas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, is-Sur Ghassan Salamé, fejn għal dawn l-aħħar xhur ilu jagħmel l-isforzi tiegħu u dak li qed jiġi mitlub mill-komunità internazzjonali, li nagħtu l-appoġġ lill-isforzi li qegħdin isiru min-naħa tal-Ġnus Magħquda.”
Malta sejħet għal investigazzjoni immedjata mill-Ġnus Magħquda sabiex jinstab u jinżamm responsabbli min kien wara dan l-attakk sfaċċjat u wasset ukoll il-kondoljanzi lill-qraba u l-ħbieb tal-vittmi li tilfu ħajjithom traġikament.
Shocked to hear about airstrikes on Tajoura.Heartfelt condolences to families & friends of victims.We reiterate our condemnation in the strongest terms and to refrain from violating international humanitarian law.We call on the UN to carry an immediate investigation @MFAMalta
— Carmelo Abela (@AbelaCarmelo) July 3, 2019