Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru llum rebaħ libell fil-konfront tal-mezzi tax-xandir tal-Oppożizzjoni, f’sentenza li turi ċar illi l-intenzjoni tal-mezzi tal-Partit Nazzjonalista mhijiex il-ġurnaliżmu iżda “l-għan illi ssir ħsara lill-Gvern tal-ġurnata”.
Fi stqarrija l-Gvern irrimarka li l-Maġistrat jgħid: “Din il-Qorti ma tistax ma tirrepetix illi ġurnaliżmu bħal dan jagħmel ferm iktar ħsara milli ġid lill-ġurnaliżmu ġenerali u lir-rispett li l-mezzi tax-xandir jistħoqqilhom stante illi l-artikolu mhuwiex ibbażat prinċipalment fuq it-tfittxija tal-verità u tax-xandir tal-fatti lill-qarrejja iżda huwa bbażat fuq l-intezjoni tal-artikolist li jagħmel ħsara lill-Keith Scembri li huwa meqjus bħala avversarju politiku.”
Il-Gvern irrimarka li l-Maġistrat isostni wkoll li ma jemminx il-verżjoni tal-mezzi tax-xandir tal-Oppożizzjoni minħabba l-fatt li l-artikolu kollu baqa’ jagħmel “insinwazzjonijiet fil-konfront ta’ Keith Schembri…”
Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri qal li huwa soddisfatt li bil-mod bdiet toħroġ il-verità fuq il-gideb li sar u qed isir fuqu li, l-unika għan tiegħu huwa li jħammeġ lil xi ħadd politikament u mhux li ssir magħrufa l-verità. “Din hija kundanna għal stil ta’ politika tal-passat li tħammeġ għal skopijiet partiġġjani u li għandha l-barka tal-Kap tal-Oppożizzjoni,” sostna Keith Schembri.