Ix-Xagħra Historical Re-enactment Organisation (XHRO) ser tippreżenta il-ħames edizzjoni ta’ Xagħratale – spettaklu ta’ 20 minuta fejn permezz ta’ drama, żfin, effetti tad-dawl u mużika tinagħta titwila lejn xi ġrajjiet storiċi marbuta mar-raħal tax-Xagħra, Għawdex.
Waqt li tkun għal xi ikla bnina jew inkella quddiem xi tazza nbid tajba f’wieħed mir-restaurants li jdawwru l-pjazza, madwar 50 attur u żeffiena, lebsin kostumi tal-epoka, minn żmenijiet klassiċi sas-seklu 19, ser jeħduk lura fi żmien Neolitiku, fit-tempji tal-Ġgantija fil-ħin tat-talb ritwali. Fi ftit sekondi tgħix il-ġrajja misterjuża tar-rebħa tal-Assedju l-Kbira tal-1565 u dritt wara dduq ftit mill-kefrija tal-pesta li ġarrab ir-raħal tax-Xagħra. L-aħbar tat-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija twassal għall-merħba u awguri lil dawk preżenti. Dan, u aktar huwa Xagħratale.
L-ispettaklu fil-miftuħ ser jinżamm fi Pjazza l-Vitorja, il-pjazza ewlenija tar-raħal, kull nhar ta’ Erbgħa fid-9:00 ta’ filgħaxija matul ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu 2019. L-ewwel rappreżentazzjoni tkun dik ta’ nhar is-3 ta’ Lulju u l-aħħar waħda dik ta’ nhar is-21 ta’ Awwissu. Id-dħul huwa b’xejn.
Xagħratale, bl-istorja antika tagħha, tgħani u ssaħħar il-waqfa tiegħek fil-gżira ta’ Kalipso.