Konsenturi fil-gallariji. Xugamani u purtieri maħmuġin. Saqqijiet imtebbgħa. Sadid fil-ktieli u fil-kmamar tal-banju. Bibien imxaqqin. Ġrieden jiġru ‘l hawn u ‘l hemm.
Din hija s-sitwazzjoni li sabu ma’ wiċċhom turisti fil-Park Hotel f’Tas-Sliema, lukanda li qed tingħalaq b’ordni ta’ Infurzar mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA.
Iċ-ċermen eżekuttiv tal-Awtorità Dr Gavin Gulia qal li l-azzjoni ttieħedet wara li bosta rapporti u anka spezzjonijiet mill-uffiċjali tal-MTA.
Dr Gulia spjega l-arranġamenti li qed isiru biex jonqos l-inkonvenjent għat-turisti.
“Jew imorru f’lukanda oħra jew jekk iridu huma jibqgħu fil-lukanda sakemm tispiċċa l-holiday tagħhom.”
Spjega li dawk li bbukjaw wara d-9 ta’ Lulju, qed isiru arranġamenti biex minnufih imorru f’akkomodazzjoni oħra.
“Għamilt task force fil-Marketing department tal-MTA sabiex issir il-kordinazzjoni bejn in-nies tal-infurzar fil-lukanda u d-dipartiment tal-marketing u tour operators u lukandiera sabiex insibu akkomodazzjoni alternattiva.”
Mistoqsi dwar il-futur tal-lukanda, Dr Gulia qal li din tista’ tinfetaħ mill-ġdid kemm-il darba jsiru r-rinovazzjonijiet li ilhom iwiegħdu s-snin is-sidien, u li jkunu skont l-istandards tal-Awtorità.
“Jekk isir ir-refurbishment, isiru l-verifiki neċessarji sabiex naraw li hi up to scratch u up to standard u f’dak il-każ nikkunsidraw li nagħtu l-liċenzja.”
ONE News tkellem ma’ Joanna Mazouzi, turista li daħlet fil-lukanda t-Tnejn u esprimiet id-diżappunt tagħha għas-sitwazzjoni li sabet.
“They’ve denied it. They showed me another two rooms and I said even if you show me the executive suite I’ll want to be put in another hotel.”
Qalet li d-diriġenti sostnew li ma kien hemm xejn ħażin fil-lukanda.
“I mean this is quite upsetting and its very concerning you know?”
B’reazzjoni, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li dawn it-tip ta’ rimedji fuq lukandi Maltin huma ta’ dieqa kbira. Huwa esprima t-tama li fil-futur din il-proprjetà jsir fiha l-investiment neċċessarju biex terġa’ tkun lukanda lussuża u toffri servizz ta’ kwalità kif jixraq lil pajjiżna.