Il-kuċċier Alban Josef Saliba ma nstabx ħati ta’ moħqrija fuq id-debba tiegħu .
Il-każ seħħ f’April illi għadda meta l-kuċċier kien inqabad f’filmat allegatament isawwat id-debba tiegħu bi frosta fi Swatar.
Ir-raġel kien akkuzat ukoll b’nuqqas ta’ responsabbilità għat-trattament xieraq fuq l-annimali iżda l-prosekuzzjoni waqgħet dawn l-akkużi minħabba nuqqas ta’ evidenza.
Saliba tressaq il-Qorti għall-ewwel darba f’April u sarulu spezzjonijiet mill-veterinarju u ufficjali tad-dipartiment tal-ħarsien tal-annimali fejn irriżulta li ż-żwiemel kienu miżmuma tajjeb.
Wara li sema’ xhieda u ra l-provi, il-Maġistrat qal li meta uża l-frosta fuq id-debba, l-imputat ma kellux intenzjoni li jaħqar lid-debba iżda dak il-ħin ħaseb li kien l-aktar mezz effiċjenti kif jista’ jieħu l-kontroll tad-debba f’idejh u jerġa’ jqajjimha fuq saqajha u jevitalha aktar tbatija.