Malta rnexxielha tikseb wieħed mill-aqwa riżultati fost il-pajjiżi kollha tad-dinja fejn jidħol il-progress fit-tnaqqis tal-faqar. Dan skont l-aħħar rapport fuq l-Aġenda tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Magħquda u l-Unjoni Ewropea.
Ir-rapport li jixħet dawl fuq is-sena 2019, juri li Malta rnexxielha tagħti daqqa ta’ ħarta lill-faqar, tant li kisbet riżultat ta’ 99.9 punt minn 100, l-aqwa riżultat ta’ kull żmien filwaqt li ksibna 94.6 fejn jidħol in-nuqqas ta’ inugwaljanza.
B’dawn ir-riżultati Malta klassifikat fit-tmienja u għoxrin post fid-dinja u l-20 post fl-Unjoni Ewropea, u b’hekk Malta kisbet 76.1 punt meta kkumparat mal-medja reġjonali ta’ 70.4.
Il-pajjiżi Nordiċi komplew jokkupaw l-ewwel tliet postijiet għalkemm anke dawn il-pajjiżi qed jiffaċċjaw sfidi f’uħud mill-miri tagħhom. L-istess rapport jindika wkoll li l-ebda pajjiż ma jinsab lest li jikseb il-miri għas-sena 2030.
Intant il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li dan huwa ċertifikat b’saħħtu għas-sistema ta’ ħarsien soċjali f’pajjiżna.
Xhieda ċara wkoll ta’ kemm il-gvern huwa kommess li jkompli jattakka l-faqar filwaqt li jnaqqas l-inugwaljanza. Il-Ministru Michael Falzon saħaq li dan l-impenn se jkompli jikber fil-baġit għas-sena 2020.