Kull sena d-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja joffri varjetà wiesgħa ta’ korsijiet f’disa’ Ċentri, 38 kunsill lokali u 17-il organizzazzjoni mhux governattiva li għalihom japplikaw ’il fuq minn 10,000 student adult. Kull wieħed u waħda minn dawn l-istudenti jġibu magħhom l-esperjenzi tagħhom u aspirazzjonijiet għal futur aħjar.
L-offerta ta’ korsijiet għal din is-sena tinkludi 478 kors f’89 suġġett u l-applikazzjonijiet jiftħu għada t-Tlieta 12 ta’ Lulju 2016.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarsit Bartolo qal li l-ministeru huwa determinat li dawn l-opportunitajiet ta’ tagħlim jibqgħu jiġu offruti u jkunu aċċessibbli għal kulħadd. “Huwa d-dmir tagħna li nassiguraw li kull persuna tiġi mgħejjuna biex tilħaq il-potenzjal tagħha. L-għan tagħna huwa li ninvolvu lin-nies u nrawmu kultura inklussiva fejn l-istudenti huma mħeġġa biex jipparteċipaw u jieħdu gost fil-proċess tat-tagħlim.”
Fi kliemu l-benefiċċji tat-tagħlim ma jwasslux biss għall-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda. It-tagħlim tul il-ħajja jrid jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies u jitqies bħala investiment anki fl-iżvilupp personali u kollettiv. It-tagħlim huwa fuq kollox il-mezz li bih tkun kapaċi tgħix ħajja sabiħa u attiva li tagħtik sodisfazzjon.
Il-Ministru qal li qed jiġi rikonoxxut ukoll il-bżonn li jitkompla jitjieb il-livell tat-tagħlim attwali u fix-xhur li ġejjin inkomplu nimplimentaw l-azzjonijiet imfassla fl-Istrateġija Nazzjonali 2020 għat-Tagħlim Tul il-Ħajja.
Din is-sena d-Direttorat fassal kors ġdid ICT for beginners – dan il-kors huwa għal dawn li jixtiequ jitgħallmu jużaw l-kompujter u l-internet – huwa kors prattiku li jgħin lil adulti biex jużaw it-teknoloġija fil-ħajja ta’ kuljum bħal xiri online, l-użu tal-email u l-midja soċjali. Il-literiżmu –inkluż il-literiżmu diġitali huwa priorita’ fil-ħidma taghna.