Waqt laqgħa tal-MCESD, is-sħab soċjali tkellmu dwar l-aħħar rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal pajjiżna maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea, u dwar l-operat tal-Fond Soċjali u ta’ Żvilupp Nazzjonali li jamministra d-dħul mill-programm taċ-ċittadinanza b’investiment.
Fl-introduzzjoni tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li filwaqt li pajjiżna qiegħed jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal pajjiżna f’numru ta’ oqsma, wieħed irid joqgħod kawt meta jorbot dawn mal-użu tal-fondi Ewropej. Wara l-laqgħat li kellu fil-Lussemburgu u Brussell fl-aħħar jiem, is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li dawn ir-rakkomandazzjonijiet joffru stampa tas-sitwazzjoni preżenti u għalhekk jeħtieġ li wieħed jara fiex inkunu bħala pajjiż meta jibda jiġi implimentat il-programm ta’ fondi li jmiss.
“L-investiment li qed isir u l-bidliet li qed nagħmlu bħala gvern fl-oqsma tal-governanza, evażjoni ta’ taxxa u t-taħriġ li qed nagħtu lill-workforce Maltija ifisser li x-xenarju se jkun differenti ħafna minn dak li għandna llum. Hekk ukoll l-isfidi se jkunu differenti u għaldaqstant jeħtieġ ikollna biżżejjed flessibilità fil-programm il-ġdid biex inkunu nistgħu nilqgħu għall-isfidi l-ġodda”, qal Aaron Farrugia.
Huwa qal ukoll li fl-istess ħin, il-gvern ħa nota ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet fosthom dawk dwar it-tibdil fil-klima, iz-żgħażagħ li joħorġu kmieni mis-sistema edukattiva u l-ħiliet li għandna bżonn fiż-żmien li ġej. Dwar is-sostenibbiltà tal-pensjonijiet, is-segretarju parlamentari qal li l-gvern se jkompli jaċċerta li kull anzjan f’pajjiżna jkollu livell ta’ għixien diċenti filwaqt li qiegħed iħares ‘il quddiem biex jirċievi r-rapport minn grupp ta’ esperti lokali li se jgħaddu r-rakkommandazzjonijiet tagħhom lill-gvern sat-tmiem is-sena d-dieħla.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli tkellmet dwar l-importanza ta’ djalogu soċjali kostruttiv u b’saħħtu biex is-sħab soċjali ikunu front wieħed mal-gvern fuq temi ċentrali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna, ewlenin fosthom it-tassazzjoni u l-pensjonijiet.
F’dan il-kuntest, il-Ministru Dalli fissret kif il-ġurisdizzjoni tagħna tiffavorixxi l-investiment u t-tkabbir u l-politika tal-gvern tibqa’ dik li permezz tat-taxxa jinċentiva u mhux joħnoq l-investiment. Dan filwaqt li qed tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-kriminalità finanzjarja, kemm fuq livell lokali u kif ukoll fuq livell internazzjonali permezz tal-koperazzjoni sħiħa ma’ entitajiet bħall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżviluppi Ekonomiċi (OECD).
Fir-rigward tal-pensjonijiet, il-Ministru Dalli qalet li filwaqt li Malta ħadet nota tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, mhux bilfors li l-Gvern jaqbel magħha. Hija saħqet li s-sostenibbiltà tal-pensjonijet il-gvern qed jassiguraha billi jinċentiva x-xogħol u jattira l-investiment u mhux billi jħolli l-età tal-irtirar jew iżid il-bolla. Hawnhekk tenniet l-impenn tal-gvern li jkompli jsaħħaħ il-pensjonijiet għal kulħadd.
B’referenza għall-qasam tal-ġustizzja, il-Ministru Dalli sostniet li l-liġijiet elenkati mill-Kummissjoni Ewropea ilhom magħna diversi snin, tant illi għaddew ukoll mill-iskrutinju tal-Unjoni Ewropea fil-proċess tal-adeżjoni ta’ Malta. Minkejja dan kollu, il-Ministru Helena Dalli qalet li l-gvern diġà beda jwettaq riformi importanti bħal dik li tikkonċerna l-ħatriet tal-membri tal-ġudikatura. Dan waqt li qed jindirizza ukoll r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja, b’uħud minnhom diġà mressqa quddiem il-Parlament, primarjament l-abbozz legali li se jissepara r-rwol tal-Avukat tal-Istat u l-Prosekutur Pubbliku Ewlieni.
Fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-qasam tas-saħħa, Helena Dalli tenniet id-determinazzjoni tal-gvern li jkompli jinvesti fil-kura primarja permezz ta’ ċentri reġjonali ġodda u rinovar tal-bereġ tas-saħħa. Dan waqt li għaddej investiment kontinwu fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex biex is-servizz tas-saħħa f’pajjiżna jibqa’ wieħed tal-ogħla livell u li jilħaq l-aspettattivi tal-poplu Malti u Għawdxi.
Waqt preżentazzjoni mill-ekonomista Philip Von Brockdorff b’rabta mal-imsemmija rakkomandazzjonijiet, intqal illi fil-fora Ewropej hemm ċertu bnadi li kontinwament jinsistu favur l-armonizzazzjoni tat-tassazzjoni u għalhekk, waqt li tali riforma radikali teħtieġ l-unanimità fil-Kunsill Ewropew jew bidla fit-trattati, jeħtieġ li s-sħab soċjali u l-gvern jibqgħu id f’id biex jissalvagwardjaw l-interess nazzjonali.
Saret referenza ukoll għall-investiment li għaddej fit-trasport, l-infrastruttura, u l-avjazzjoni u l-importanza li dan ikun sostnut għas-snin li ġejjin biex it-tkabbir ekonomiku jżomm rittmu pożittiv, is-surplus ikompli jikber waqt li d-dejn nazzjonali jkompli jonqos.
Aktar tard, is-sħab ingħataw preżentazzjoni dwar il-Fond Soċjali u ta’ Żvilupp Nazzjonali (NDSF), liema fond jamministra d-dħul mill-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment. Iċ-Chairman tal-Fond David Curmi spjega kif l-NDSF huwa amministrat bl-ogħla livell ta’ governanza u trasparenza assoluta, b’diliġenza dovuta li tiżboq sewwa l-kriterji u r-rekwiżiti legali. Huwa qal li apparti l-injezzjoni ta’ fondi diretti fil-Fond Konsolidat, hemm kważi €92 miljun allokati għal proġetti soċjali u ta’ żvilupp nazzjonali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-NDSF Ray Ellul spjega li fost dawn il-proġetti hemm l-investiment ta’ €60 miljun ewro fil-proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali sostenibbli li permezz tiegħu qed jinbnew 1,100 unit ġdid, €10 miljun għall-kura primarja b’investiment fi 8 ċentri tas-saħħa u 54 berġa li se jaċċellara t-trasformazzjoni mill-kura akuta għal kura priventiva, u €6 miljun għall-Istrateġija Nazzjonali tal-Isport biex dan jitqies dejjem aktar bħala dixxiplina li minnha nistgħu niksbu suċċess.