Il-Kamra tal-Kummerċ ikkundannat l-azzjonijiet industrijali li għamlet il-unjin tal-bdoti, l-ALPA.
“Azzjoni bħal din mhux biss tħalli effetti ħżiena fuq il-linja nazzjonali tal-ajru iżda tista’ tħalli riperkussjonijiet koroh fuq l-ekonomija Maltija”, saħqet fi stqarrija l-Kamra tal-Kummerċ.
“Hija sfortunanti li grupp żgħir ta’ ħaddiema qed jerġgħu jheddu li jipparalizzaw l-operat tal-Airmalta u jilagħbu mal-futur ta’ sħabhom il-ħaddiema li jaqilgħu l-għixien minn din il-kumpanija”, sostniet il-Kamra tal-Kummerċ.
Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li sar biżżejjed żmien biex kulħadd jifhem ir-responsabilità li għandu u l-implikazzjonijiet li ġġib magħha kull azzjoni.
“Il-pajjiż ma jistax jitħalla jinħataf mill-interessi personali tal-ftit”, stqarret il-Kamra tal-Kummerċ.