Ic-chief of staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, rebaħ libell fil-konfront tan-Nazzjon b’rabta ma’ artiklu miktub minn Joe Mikallef. L-artiklu ta’ Joe Mikallef kien marbut ma’ Ryan Schembri, kuġin ta’ Keith Schembri li ħarab minn Malta midjun ma’ bosta persuni.
F’Novembru tal-2014 in-Nazzjon irrapporta li Ryan Schembri għamel kuntatt ma’ persuni f’pajjiżna u li Keith Schembri kien konxju ta’ dan għax it-tnejn kienu jafdaw lil xulxin u kellhom interessi komuni fin-negozju.
Dakinhar Schembri kien ċaħad mill-ewwel dak irrapportat. Qal li qatt ma kellu relazzjoni kummerċjali ma’ kuġinuh u l-implikazzjoni li sar xi kuntatt miegħu kienet falza. Dakinhar kien intqal li l-midja tal-Partit Nazzjonalista laħqet l-iktar livelli baxxi.
Fis-sentenza tagħhha l-Qorti tat kumpens massimu ta’ €5,000 lil Schembri biex in-nuqqas ta’ verità f’din l-istorja ta’ Joe Mikallef kien ikkonfermat ukoll f’sentenza ta’ Maġistrat.
Saħansitra l-Qorti qalet: “Din il-Qorti ma tistax ma tirrepetix illi ġurnaliżmu bħal dan jagħmel ferm iktar ħsara milli ġid lill-ġurnaliżmu ġenerali u lir-rispett li l-mezzi tax-xandir jistħoqqilhom stante illi l-artikolu mhuwiex ibbażat prinċipalment fuq it-tfittxija tal-verità u tax-xandir tal-fatti lill-qarrejja iżda huwa bbażat fuq l-intezjoni tal-artikolist li jagħmel ħsara lill-Keith Scembri li huwa meqjus bħala avversarju politiku.”
Jingħad ukoll li l-istorja kienet ukoll intenzjonata biex issir ħsara lill-gvern u għalhekk l-artiklu kien meqjus bħala malafamanti u libelluż.
IS-SENTENZA SĦIĦA
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2016/07/img-711095417-0001.pdf”]