Il-Korp tal-Pulizija se jkun qed jikkomemora l-205 sena mit-twaqqif tal-Korp tagħhom b’diversi attivitajiet.
Dawn l-attivitajiet se jibdew it-Tlieta 2 ta’ Lulju, fl-10 ta’ filgħodu, b’kunċert mużikali mill-Banda tal-Korp tal-Pulizija ġewwa Pjazza Ħelsien, il-Belt Valletta. F’din l-attività se jkun hemm wirjiet mill-Precision Drill Team, it-Taqsima tal-Klieb u anke esebizzjoni ta’ vetturi antiki u moderni użati mill-Pulizija. Dawk it-tfal preżenti se jkollhom l-opportunità li jirkbu fuq iż-żwiemel tal-Kavallerija u fuq mutur tat-Traffiku. Waqt din l-attività se jkun hemm sessjoni ta’ informazzjoni dwar sejħiet ta’ reklutaġġ kurrenti.
Din mhux se tkun l-unika attività, hekk kif il-Korp tal-Pulizija se jkun preżenti:
- Fl-Imdina – 3 ta’ Lulju;
- Tas-Sliema – 5 ta’ Lulju;
- Wied il-Għajn – 8 ta’ Lulju;
- Buġibba – 13 ta’ Lulju;
- Marsalforn, Għawdex – 15 ta’ Lulju.
F’dawn l-attivitajiet se jkun hemm preżenti l-Banda tal-Korp tal-Pulizija, se jkun hemm sessjonijiet ta’ informazzjoni dwar sejħiet ta’ reklutaġġ u esebizzjonijiet mill-Precision Drill Team u t-Taqsima tal-Klieb. Iż-żwiemel tal-Kavallerija u l-mutur tat-Traffiku se jkunu preżenti waqt dawn l-attivitajiet li jibdew fit-8:30 ta’ filgħaxija, filwaqt li l-attività f’Għawdex fis-7:30 ta’ filgħaxija.
Imbagħad il-Ħadd 7 ta’ Lulju, fid-9 ta’ filgħodu se tiġi ċċelebrata quddiesa ġewwa l-Kappella taċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata, fejn jiftakru dawk il-membri kollha li m’għadhomx ħajjin li taw sehemhom. Wara l-quddiesa jitqiegħdu l-kuruni fuq il-qabar tal-Korp.
Il-qofol ta’ dawn l-attivitajiet jintlaħaq il-Ġimgħa 12 ta’ Lulju fid-9 ta’ filgħodu meta ser issir Quddiesa Solenni ġewwa l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Wara din ser isegwi minn wirja mużikali mill-Banda tal-Korp u l-Precision Drill Team fi Pjazza San Ġorġ u ki ukoll parata mill-Gwardja tal-Unur akkumpjanata mill-istess banda.