Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew qal li l-kompetizzjoni fit-tassazzjoni għandha tibqa’ responsabbilta’ tal-gvernijiet nazzjonali tal-membri stati tal-Unjoni Ewropea.. Dr. Sant enfasizza li jekk l-UE tnaqqas il-flessibilita’ fil-politika tat-tassazzjoni tkompli tagħmel ħsara akbar lill-ekonomiji ż-żgħar tal-UE li diġa’ ghandhom żvantaġġi inġusti.
Fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li ma setax jivvota favur rapport li jimpromwovi l-armonizzazzjoni tat-tassazzjoni fost l-istati kollha membri tal-UE. Dr Sant kien diġa’ ivvota kontra l-ewwel rapport TAXE 1, reġa’ ivvota kontra r-rapport finali magħruf bħala TAXE 2. Ir-rapport, imressaq mir-‘rapporteurs’ Michael Theurer (ALDE) u Jeppe Kofod (S&D) ġie approvat b’514 vot favur, 68 vot kontra u 125 astensjoni.
Dr Sant qal li r-rapport jagħmel rakkomandazzjonijiet għal aktar trasparenza fit-tassazzjoni fl-istati membri tal-UE. “Naqbel ma’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet u nappoġġja l-miżuri tat-trasparenza fil-politika nazzjonali tat-tassazzjoni. Iżda dan ir-rapport jipproponi miżuri li fuq livell wiesgħa jintroduċi konverġenza u armonizzazzjoni tat-taxxi fl-istati membri kollha tal-UE”.
Dr Sant qal li dan imur kontra l-interessi tal-ekonomiji ż-żgħar tal-UE li m’għandhomx id-doti tal-ekonomiji l-kbar. Il-flessibilita’ fit-tmexxija tal-ekonomiji ż-żgħar diġa’ hija ristretta bil-konverġenza tar-rati tal-VAT, ‘State aid rules’, il-munita waħda u r-regoli li jorbtu l-budget tagħhom. Dawn wasslu biex jiżdiedu, mhux jisparixxu, id-diverġenzi bejn parti u oħra tal-UE. Jekk innaqqsu l-flessibilita’ tal-ekonomiji ż-żgħar tkompli tiżdied din id-disparita’ li diġa’ teżisti. Dan mhux ġust u mhux aċċettabbli.”
Dr Sant qal li l-kompetizzjoni fit-taxxa għandha tibqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-ekonomiji nazzjonali. “Dan ir-rapport ma jagħtix definizzjoni ta’ kompetizzjoni ġusta fit-tassazzjoni. Ir-rapport huwa inklinat lejn sistema armonizzata ta’ tassazzjoni fl-istati membri kollha tal-UE. Huwa għalhekk li ivvotajt kontra ż-żewġ rapporti li tressqu.” saħaq Dr Sant.