It-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista qed tevalwa l-possibilità li tinjora l-petizzjoni li għamel Ivan Bartolo sabiex jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali b’mod straordinarju sabiex jittieħed vot ta’ sfiduċja fit-tmexxija ta’ Adrian Delia.
Żvelat dan il-gazzetta The Sunday Times of Malta, li qalet li l-amministrazzjoni qed targħbel kemm mill-firmatarji tal-petizzjoni kienu eleġibbli li jiffirmaw. Sorsi fil-partit li tkellmu mal-gazzetta qalu li din tista’ tkun l-iskuża li biha jiġi evitat li jitlaqqa’ l-kunsill.
Dan minkejja li nhar l-Erbgħa li għadda l-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono għaddiet din it-talba lil-Eżekuttiv sabiex tfassal l-aġenda tal-laqgħa.
Iżda s-sorsi qalu li t-tmexxija issa bidlet id-diska, bl-istqarrija ppublikata l-Ħamis minn Clyde Puli xhieda ta’ dan. Stqarrija li qalet li l-Eżekuttiv se jkun li jiddeċiedi dwar jekk il-laqgħa ssirx jew le.
Membru tal-eżekuttiv qal lit-Times li dan se jwassal għal laqgħa diviżiva oħra dwar il-validità tal-petizzjoni, f’dik li sejjaħ bħala tattika oħra mill-istrateġija ta’ ifred u saltan.
Dan għaliex Delia ma jridx li jaffaċja vot ta’ sfiduċja.
Intant il-kwistjoni dwar il-validità tal-firem taf tkun sfida ewlenija fil-laqgħa tal-Eżekuttiv ta’ nhar il-Ħamis li ġej li matulha mistennija ssir elezzjoni għal karigi vakanti fl-Eżekuttiv u l-Amministrattiv.
Irraportat dan il-gazzetta KullĦadd fejn qalet li fost it-83 persuna individwati bħala mingħajr dritt għal vot fil-Kunsill Ġenerali, mill-petizzjoni ta’ Ivan Bartolo, hemm ukoll membri tal-istess Eżekuttiv.
Il-gazzetta qalet li mhux eskluż li jkun hemm min jinsisti li dawn in-nies għandhom jitneħħilhom id-dritt tal-vot minnufih anke fid-dawl li ma ħallsux it-tessera.
Il-KullĦadd saħqet ukoll li bħalissa Delia qed jiltaqa’ mal-membri tal-Kunsill Ġenerali f’laqgħat ta’ ftit nies u xi wħud anke bejn il-Kap u kunsilliera waħedhom.
Magħhom qed jitkellem dwar kif ma tħalliex jaħdem u kif issa qed iressaq ’il quddiem pjan li kulħadd għandu jsegwi għax huwa pjan li jġib il-bidliet meħtieġa.
Fil-fatt sorsi indikaw mal-KullĦadd kif fl-aħħar sigħat seta’ wasal ma’ xi nies li kienu kritiċi tiegħu minħabba l-wegħda tat-tibdil.
Fost dawn kien hemm Ryan Callus, deputat li ilu xhur jaħdem kontra Delia fil-grupp parlamentari.
Iżda issa Callus fuq Facebook iddikjara ċar u tond li s-soluzzjoni m’għandhiex tkun li jitneħħa Delia.
Dawk li ma jemmnux fit-tmexxija tiegħu wkoll għaddejjin bil-isforzi tagħhom u qed jgħidu li l-ebda pjan ma jista’ jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ kredibbiltà li għandu Delia.
Saħansitra kien hemm min kiteb pubblikament li fl-aħħar jiem bdew isiru telefonati lil nies li qalulhom li m’għandhomx dritt għall-vot.