Imħabbra l-inizjattiva ‘Business Enhance ERDF Grant Schemes’ stmata li tiswa aktar minn €51 miljun. Fondi li ġejjin mill-Fond ta’ Żvilupp Reġjonali Ewropew 2014 – 2020, li minnhom €40.8 miljun huma ffinanzjati minn fondi Ewropej u €10.2 miljun minn fondi nazzjonali.
Din l-iskema, imħabbra mill-Ministeru tal-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Presidenza tal-UE 2017 u l-Fondi tal-UE, għandha l-għan li tappoġġja lill-intrapriżi, li timmassimizza l-investiment u l-potenzjal ta’ tkabbir biex jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ impjiegi. Dan jikontribwixxi sabiex ikun assigurat li l-ekonomija Maltija tkompli tinbena fuq intraprizi b’saħħithom u kompettitivi, li jrendu lill-pajjiż aktar b’saħħtu għall-isfidi tas-suq. Dan hekk kif normalment huma biss 50% tan-negozji ġodda li jibqgħu joperaw wara 5 snin mit-twaqqif tagħhom.
Din l-inizjattiva ser tkun qed tipprovdi €20 miljun f’għajnuna lill-intrapriżi sabiex iwettqu investiment fir-riċerka, żvilupp teknoloġiku u innovazzjoni; €26 miljun ser ikunu immirati biex jipprovdu appoġġ lill-intraprizi biex iwettqu proġetti ta’ investiment li jrendihom aktar kompetittivi, filwaqt li €5 miljun ser ikunu immirati lejn investiment fil-Kummerċ Elettroniku.
L-ewwel żewġ skemi li ser jitniedu huma l-SME Growth Grant Scheme b’allokazzjoni ta’ €8 miljun u l-Istart-up Investment Grant Scheme b’allokazzjoni ta’ €7 miljun. Madwar 90 intrapriża mistennija li jibbenefikaw minn dawn iż-żewġ skemi. L-ewwel sejħa taħt l-iskema tal-SME għandha baġit ta’ €1.6 miljun.
L-intrapriżi jistgħu jirċievu għotja sa massimu ta’ €500,000 b’rata ta’ għajnuna fuq l-ispiża eleġibbli ta’ 35% għall-intrapriżi micro u żgħar u 25% għall-intrapriżi medji.
L-iskema Start-up Investment Grant ser tassissti intrapriżi micro u żgħar li ilhom imwaqqfa għal anqas minn tliet snin fl-investiment produttiv tagħhom permezz ta’ għotja sa massimu ta’ €300,000 b’rata ta’ għajnuna ta’50% fuq l-ispiża eleġibbli. L-ewwel sejħa għandha allokazzjoni ta’ €1.4 miljun
Dan qed isir ukoll fid-dawl ta’ inizjattivi li ttieħdu fl-aħħar snin sabiex titnaqqas il-burokrazija żejda fejn fost l-oħrajn ġew żviluppati formoli ta’ applikazzjoni onlajn għal dawn l-iskemi fejn l-applikanti ser ikollom il-possibiltà li jtellgħu id-dokumentazzjoni meħtieġa online.
Intant, l-applikazzjonijiet taħt dawn l-iskemi jibdew jintlaqgħu minn nhar il-Erbgħa 13 ta’ Lulju.