F’Malta għandna kważi 92,000 kumpanija rreġistrata li jolqtu setturi differenti, numru li kapaċi jitla’ għal mitt elf jekk in-negozju f’Malta jkompli jikber bir-ritmu li qabad fl-aħħar snin. Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat meta f’intervista fuq ONE Radio tkellem dwar il-Malta Business Registry li fetaħ din il-ġimgħa fiż-Żejtun. Fost l-oħrajn dan se jħaddan sistemi iktar moderni u li jiffaċilitaw il-ħajja tal-klijenti.
Hawnhekk spjega s-sinjifikat simboliku li dan jinsab fin-Naħa t’Isfel ta’ Malta, post li s’issa dejjem kien assoċċjat mal-industrija jew mat-turiżmu.
“Li aħna nemmnu li s-south jista’ joħloq xogħol u ġid. Nemmenu wkoll li joħloq vjaġġar aħjar għaliex it-traffiku jmur kontra l-kurrent.”
Dr Muscat innota wkoll li għall-ewwel darba, Malta għandha anqas minn 1,700 persuna jirreġistraw għax-xogħol. Fisser kif grazzi għal viżjoni ta’ dan il-Gvern, il-kelma ‘qgħad’ għad tkun eliminata mill-vokabularju Malti.
Hawn irrefera għal preżenza tiegħu f’Londra din il-ġimgħa fejn attenda konferenza dwar il-kannabis mediċinali.
“F’’dan il-qasam rnexxielna nġibu investiment b’saħħtu li se joħloq 700 post tax-xogħol ġdid ta’ kwalità b’pagi li huma ogħla min-normal li għalija huwa importanti ħafna.”
Fisser ukoll li l-Gvern ma waqafx hemm fil-qasam tal-użu mediċinali tal-kannabis.
“Kumpaniji se jkunu bdew jesportaw mill-bidu tas-sena d-dieħla. Imma kellna kumpaniji ġodda li ġew ikellmuna u se jiġu Malta fil-ġimgħat li ġejjin u aħna naraw sitwazzjoni fejn inkomplu nattiraw u noħolqu x-xogħol.”
Joseph Muscat temm jgħid li l-aħħar jiem kienu jiem ta’ xogħol intensiv, l-istess se tkun il-ġimgħa d-dieħla, biex inkomplu b’din il-mixja b’saħħitha li Malta qabdet.