Il-prospectus għall-Istitut għall-Istudji turistiċi issa jinsab b’mod sħiħ online fuq is-sit tal-ITS stess.
Dan anki fid-dawl li issa l-ITS jinsab affiljat mal-Akkademja tal-Emirati f’dak li għandu x’jaqsam mal-qasam tal-Ospitalità fejn l-istitut li llum primarjament jopera minn Ħal Luqa joffri korsijiet minn livell bażiku għal-livell maġisteru.
L-ITS bħalissa għaddej b’kampanja bit-tema ‘Spread Your Wings’ b’tifsira ċara wara dan il-messaġġ li juri kif kull student se jibda jimraħ f’avventura edukattiva ġdida.
Intant aktar studenti tal-ITS komplew jieħdu esperjenzi lil hinn minn xtutna, f’ċentri rinomati.
Filwaqt li s-sena li għaddiet l-Istitut għal Studji Turistiċi bagħat tliet studenti jistudjaw fil-Haaga-Helia Università ta’ Xjenza Applikata ġewwa l-Fillandja, din is-sena 25 student qattgħu erba’ xhur f’din l-istess università.
Dawn l-istess studenti qegħdin isegwu t-tieni sena ta’ Baċċellerat fl-Immaniġjar tal-Ospitalità Internazzjonali, liema kors għandu kollobarozzjoni mal-università imsemmija.
B’għeruq b’saħħtu fin-negozju, l-Università ta’ Xjenza Applikata ġewwa Helsinki tiffoka fuq studju prattiku.
Ir-riżultat hu li normalment, dawk li jiggradwaw jirnexxielhom isibu impjieg eċċellenti, filwaqt li l-kompetenzi tagħhom jiġu stmati sew minn min jimpjega.
Għaxar studenti oħra kellhom iċ-ċans ukoll iqattgħu erba’ xhur jistudjaw fl-Istitut Paul Bocuse f’Lyon fi Franza.
L-istudenti, li qed jistudjaw għal Baċċillerat fil-Gastronomija, studjaw ma’ wħud mill-aqwa professjonisti fis-settur internazzjonali kulinari.
Dan l-istitut hu kkunsidrat bħala wieħed mill-iktar ċentri kulinari prestiġjużi mhux biss fi Franza, imma anki fid-dinja kollha.