Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-150 sena mit-twaqqif tal-Banda Konti Ruġġieru tar-Rabat, din il-Banda telgħet fi Sqallija biex tipparteċipa fil-Festa ta’ San Pawl f’Palazzolo Acreide.
L-impenji tal-Banda f’din il-belt tal-UNESCO bdew il-Ġimgħa filgħaxija b’marċ madwar it-toroq ta’ Palazzolo. Biex is-Sibt filgħaxija l-banda tilqa’ wkoll l-istatwa ta’ San Pawl ħierġa mill-Bażilika ddedikata lil dan il-patrun fl-istess belt.
Tul il-jum tal-Ħadd l-istatwa ta’ San Pawl ħarget ukoll idur madwar il-Belt fejn ġiet milqugħa minn spettaklu ta’ karti kkuluriti li ġew mtajjra mill-faċċata tal-istess knisja. F’din il-festa li saret il-Ħadd wara nofsinhar ipparteċipaw għexieren ta’ Rabtin fejn ġiet preżentata wkoll ħobza tradizzjonali fil-forma ta’ emblema tal-Kumitat tal-Festi ta’ San Pawl tar-Rabat.
L-impenji tal-Banda fi Sqallija bdew ġimgħa ta’ servizzi mill-istess banda għal-Festa tal-martirju ta’ San Pawl li se tiġi ċċelebrata fir-Rabat tul il-ġimgha li ġejja, li fihom mistennija jkompli jiġu mmarkati l-150 sena mit-twaqqif ta’ din il-banda.
Intant, il-Banda Konti Ruġġieru twaqqfet uffiċjalment nhar il-25 ta’ Lulju tal-1869 permezz ta’ kuntratt notarili bejn 17-il bandist u s-Surmast Epifanio Agius, u għalhekk hi fost l-ewwel baned li ġew imwaqqfa uffiċjalment permezz ta’ kuntratt.
Fi Sqallija l-Banda qed titmexxa mis-Surmast Direttur tagħha Mro. James Chapel.