Għalkemm ma kien hemm l-ebda żblokk fit-tilwima bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Unjin tal-Għalliema, l-istudenti fl-iskejjel sekondarji u medji għamlu l-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika skont kif ippjanat.
Iddikjara dan il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo waqt li żar klassi ta’ studenti fl-iskola tas-Saint Hurst f’Pembroke li kienu se jibdew l-aħħar eżami tagħhom.
F’kummenti lill-ġurnalisti, il-Misnitru qal li waqt li l-Ministeru jirrispetta d-dritt tal-MUT li tordna d-direttivi, il-Gvern ħa passi biex ma jkunux it-tfal li jweġġgħu u jibqgħu mingħajr eżamijiet tal-Malti u l-Matematika.
Il-Ministru Bartolo żied jgħid li hu ser jibqa’ miftuħ għad-diskussjonijiet mal-MUT bil-għan li tinstab soluzzjoni dwar id-definizzjoni ta’ piż massimu ta’ ħamsa u għoxrin lezzjoni fil-ġimgħa f’każ eċċezzjonali.
Mistoqsi dwar kif iħares lejn is-sena skolastika li għadha kemm intemmet, il-Ministru Bartolo kkundanna kull tip ta’ vjolenza fuq l-għalliema fl-iskejjel mill-ġenituri tal-istudenti, u li l-Ministeru ser jibqa’ jaħdem sabiex atti bħal dawn qatt ma jsiru.
Intant it-tmienja u għoxrin ta’ Ġunju fissret ukoll it-tmiem ta’ sena akkademika oħra għal eluf ta’ studenti Maltin u Għawdxin li wara disa’ xhur il-bankijiet tal-iskola, bdew il-btajjel tant mistennija tas-sajf.
Fl-iskola ta’ Saint Hurst f’Pembroke stajna ninnotaw studenti eċċitati għall-aħħar eżami kif ukoll ħerqana għall-btajjel tas-sajf. Iltqajna wkoll ma’ bosta studenti tad-disa’ sena u staqsejnihom kif ser ikunu jqattgħu l-vaganzi..
U wara xhur ta’ studju u impenn, one news jawgura lill-istudenti, lill-ġenituri tagħhom,u lill-għalliema kollha… il-vaganzi t-tajba!