“Ir-rappreżentazzjoni tad-diversità tas-soċjetà fuq livell politiku twassal sabiex jissaħħu l-istituzzjonijiet”. Dan kien il-messaġġ li għaddiet il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli fl-intervent tagħha waqt il-Women Rule Summit li kien organizzat mill-ġurnal POLITICO, li hu ffukat fuq it-tmexxija tal-istituzzjonijiet u l-politika Ewropea.
Waqt dan is-summit il-Ministru Dalli elenkat numru ta’ miżuri li daħħal il-Gvern Malti f’dawn l-aħħar snin sabiex jippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Il-Ministru Dalli saħqet li dawn il-miżuri ddaħlu grazzi għall-viżjoni femminsta tal-gvern u tal-appoġġ tal-Prim Ministru li minn dejjem promwova politika favur l-ugwaljanza u l-emanċipazzjoni tan-nisa. Dawn il-miżuri wasslu sabiex tiżdied b’mod konsiderevoli r-rata ta’ nisa fid-dinja ta-xogħol. Filwaqt li l-Ministru Helena Dalli rrikonoxxiet li f’dan il-qasam fadal ħafna aktar xogħol xi jsir, l-ambizzjoni tal-gvern għal Malta ugwali wasslet ukoll sabiex issir ħidma biex jiżdiedu n-numru ta’ nisa fil-Parlament Malti u fuq il-bordijiet tal-gvern.
Fir-rigward tal-politika Ewropea, il-Ministru Helena Dalli tkellmet dwar il-bżonn li l-budget Ewropew, dak magħruf bħala il-Qafas Finanzjarju Multi-Annwali, jindirizza l-kwistjoni tal-ġeneru fl-oqsma kollha tiegħu sabiex l-ugwaljanza verament issir il-prijorità li jistħoqilha tkun. Ma’ dan, il-Ministru żiedet tgħid li hemm bżonn ta’ strateġija għal ugwaljanza bejn il-ġeneri li tkun torbot lill-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiżi membri tal-Unjoni sabiex jippromwovu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u jwettqu miżuri f’din id-direzzjoni.
Dr Dalli stqarret li b’rappreżentazzjoni ta’ 40% in-nisa għadhom minoranza fil-Parlament Ewropew, iżda esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-isforz li sar sabiex ikun hemm aktar ugwaljanza u rappreżentazzjoni tan-nisa fuq livelli għolja fi ħdanu.