Ir-rakkommandazzjoni sabiex jiġu introdotti kundizzjonijiet ġodda dwar l-implimentazzjoni ta’ Fondi Ewropej kienet ikkritkata mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia waqt laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali bejn il-Ministri responsabbli għall-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea.
F’laqgħa fil-Lussemburgu, is-Segretarju Parlamentari sostna li Malta ma tappoġġjax il-kundizzjonijiet ġodda proposti, għaliex dawn jimponu żieda fil-piż amministrattiv addizzjonali fl-immaniġjar tal-istess Fondi Ewropej u jdgħajjef it-tkabbir ekonomiku irreġistrat min–numru tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewopea.
“L-għan aħħari għandu jkun li nassiguraw li dawn il-kundizzjonijiet joffru l-aħjar qafas fuq bażi nazzjonali, sabiex nassiguraw proċess spedit fl-implimentazzjoni tal-fondi, u mhux li jiżdiedu l-obbligi li mhux neċessarjament ikunu relatati mal-objettiv stabbilit tal-istess fondi, jew li jwasslu għal piż akbar amministrattiv fl-implimentazzjoni tal-fondi Ewropej,” tenna is-Segretarju Parlamentari.
Huwa stqarr li l-Istati Membri m’għandomx jieħdu r-riskju li jmorru lil hinn mill-objettivi prinċipali tat-trattati u l-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea. “Il-kundizzjonijiet kienu magħna sa minn qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, l-ewwel bl-implimentazzjoni tal-acquis communitaire,u wara bil-kriterji stabbiliti fit-trattati ta’ Maastricht u Copenhagen, u aktar tard bit-tisħiħ tal-Patt dwar l-Istabilità u t-Tkabbir Ekonomiku flimkien mal-Ex Ante u l-kundizzjonijiet makroekonomiċi.”
L-għan prinċipali ta’ din il-laqgħa tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali kien sabiex tingħata stampa aktar ċara tal-ħidma li għaddeja fil-preżent fil-kuntest tal-Pakket Leġiżlattiv għal Politika ta Koeżjoni għal perjodu 2021-2027 u sabiex jixpruna diskussjoni dwar l-isfidi li hemm quddiemna fl-ippjanar tal-fondi.
Is-Segretarju Parlamentari spjega kif Malta hi favur proċess mexxej għall-implimentazzjoni ta’ regoli ġodda dwar fondi sabiex nassiguraw li l-implimentazzjoni ta’ dawn il-fondi tkun tista’ tibda minnufih u sabiex jiġi evitat dewmien żejjed li jista’ jkollu effett negattiv fuq iċ-ċittadini Ewropej.
Rigward ir-relazzjoni bejn il-Politika ta’ Koeżjoni u s-Semestru kurrenti Ewropew, is-Segretarju Parlamentari Farrugia tenna li hemm għan stabbilit sabiex jinkoraġġixxi relazzjoni ittjeb bejn l-investiment ta’ koeżjoni u investimenti ekonomiċi oħra. Dan qalu fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja li esperjenzajna fl-2008.
“Aħna konvinti li m’hemmx soluzzjoni waħda aħħarija, u nifhmu li kull stat membru jaffaċċja sitwazzjonijiet differenti u partikolari li jesiġu rispons differenti”.
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia tenna wkoll li l-objettivi tal-Politika ta’ Koeżjoni imorru lil hinn mill-aspetti ekonomiċi jew l-implimentazzjoni tar-riformi u l-għan prinċipali għandu jibqa’ dak li jitnaqqsu l-iżvantaġġi bejn reġjuni differenti, b’mod partikolari fejn hemm żvantaġġi li jirriżultaw minn karattereistiċi ġeografiċi u territorjali u li dawn l-għanijiet għandhom jibqgħu fil-qalba ta’ din il-Politika Ewropea.
Rigward l-isfidi li hemm quddiemna fil-programm 2021-2027, fid-dawl tar-rakkommandazzjonijiet speċifiċi, is-Segretarju Parlamentari Farrugia tenna li l-isfida ewlenija hi fil-programm 2021-2027 fid-dawl tar-rakkommandazzjonijiet li għandhom jassiguraw li dak li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda tirrakomanda, jaqblu mal-bżonnijiet attwali li għandna illum il-ġurnata.
“L-isfidi li għandna quddiemna u li nistgħu nistennew fil-mid-term review tal-2025, aħna nikkonsidraw li hu importanti li ma’ jkunx hemm interruzzjonijiet fil-programmar tal-fondi u għandna nevitaw li noħolqu sistema kkumplikata li eventwalemnt twassal għal piż amminsitrativ”, tenna s-Segretarju Parlamentari.
B’referenza għal mod kif il-governanza ekonomika u l-konverġenza oġġettiva għandhom jiġu irrikonċiljati, is-Segretarju Parlamentari Farrugia fisser kif għandu jkun hemm relazzjoni mill-qrib bejn dawn iż-żewġ aspetti, pero fl-istess waqt ma jistax ikun hemm metodu komuni li japplika għal kulħadd. Anki f’dan il-każ, hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet speċifiċi li jassiguraw li tkun implimentata konverġenza effettiva.