Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri nieda t-tmien edizzjoni ta’ Ħondoq by Night, waħda mill-akbar attivitajiet li jsiru f’Għawdex. Camilleri ħabbar li din se tkun l-ewwel attività kbira f’pajjiżna fejn ma jintużax plastic. Fil-fatt is-Segretarju Parlamentari qal li, “mhux biss mhuwiex se jintuża single-use plastic imma lanqas se jitqassmu fliexken tal-ilma fil-plastic, u minflok se jintużaw tazzi tal-kartun. Dan juri li dak li nedejna ftit ilu diġà beda jiġi implimentat.”
Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri stqarr li dan il-gvern ħa pass ieħor pożittiv meta ftit tal-ġimgħat ilu nieda l-Marine Litter Scheme, politika ħolistika dwar is-single-use plastic. Huwa spjega li s-sajd u l-baħar b’mod ġenerali huwa wieħed mill-elementi l-aktar milquta minn dak imsejjaħ marine litter. Huwa qal li hu ċar li meta wieħed jara l-istatistika jifhem kif 49% ta’ dak imsejjaħ marine litter huwa ġej minn single-use plastic mormi b’mod abbużiv.
Is-Segretarju Parlamentari Camilleri stqarr li inutli nagħmlu programmi u nieħdu miżuri biex intejbu l-qagħda ta’ ċerti speċi jekk fl-aħħar mill-aħħar ma nkunux qegħdin nindirizzaw b’mod dirett wieħed mill-elementi li qed jeqred il-baħar u l-ħut. Sfortunatament ta’ sikwit ikunu s-sajjieda illi f’nofs ta’ baħar jiltaqgħu ma’ fkieren u ħut ieħor illi jitħabbel ma’ materjal mormi b’mod abbużiv. Nafu kif ċerti fkieren jibilgħu biċċiet jew partijiet ta’ boroż tal-plastic u ħafna drabi jitilfu ħajjithom għax ħadd ma jsibhom fil-ħin.
Huwa esprima li huwa pożittiv illi nnaddfu qiegħ il-baħar u l-bajjiet tagħna u li dan isir anka permezz ta’ ħidma kordinata mill-eNGOs u nies oħra. Però qal li aħna rridu nkunu parti mis-soluzzjoni u mhux mill-problema. Is-Segretarju Parlamentari elenka għadd ta’ għażliet sabiex wieħed ikun parti mis-soluzzjoni fosthom:
- Għażla bejn li tarmi flixkun f’kontenitur apposta jew titfgħu mal-art kif isir ħafna drabi;
- Għażla li tixtri prodotti li tista tibqa’ tużahom, però fl-istess ħin issib ħafna materjal li tużah darba u tarmih;
- Għażla li tghid le għal straw tal-plastic,
- Għażla li jekk sejjer fuq id-dgħajsa jew fuq xi bajja tara li ma tieħu xejn li huwa single-use plastic,
- Għażla li żgħira kemm hi żgħira tista’ tagħmel differenza.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali qal li huwa importanti li nagħmlu enfasi li wieħed jagħżel li jiekol ħut frisk u ħut maqbud b’mod sostenibbli, iżda huwa importanti li aħna ma neqirdux dan l-istess ħut jew nikkontaminaw dan l-istess speċi. Huwa għalhekk li anki permezz ta’ din l-attività ta’ divertiment Ħondoq by Night qed inħeġġu lill-poplu biex inaqqas l-użu tal-plastic.
Noel Mizzi, il-President tal-Klabb tal-Futbal tal-Qala, li huma l-organizzaturi ta’ din l-attività, qal li għal darb’oħra l-Bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien u l-madwar se jinxtegħlu b’fanali tradizzjonali u se jkun hemm effetti tad-dwal oħra li jibdlu lil din il-bajja f’atmosfera maġika għal kull min jattendi.
L-attività se tibda fit-8pm b’kunċert live mill-kantanti Ira Losco u Michela Pace filwaqt li wara jsegwu d-DJs Darco, Ziggy u Micimago.