L-istudenti tas-sitt sena fl-iskola primarja se jiġu assessjati għall-ezamijiet tal-benchmark b’xogħlijiet li jagħmlu matul is-sena u mhux bl-ezami final biss.
Din hija waħda minn ħamsa u għoxrin rakkomandazzjoni li ġew prezentati mill-Bord ta’ Reviżjoni tal-Benchmarks li wara konsultazzjoni mat-tfal, ġenituri, għalliema u kapijiet ta’ kulleġġi u skejjel ġie irrakomandat kif dawn l-ezamijiet qegħdin iħallu effett fuq it-tfal.
Ic-Chairperson tal-Bord ta’ Reviżjoni tal-Benchmarks Mark Borg qal qiegħed jiġi rakkomandat li jkun hemm l-assessjar ta’ matul is-sena u l-ezami tal-aħħar tas-sena.
“L-assessjar tat-tfal ma jkunx jiddependi biss fl-eżami tal-aħħar taċ-ċiklu imma kif ikunu marru fil-primarja.”
Din is-sena diġà ġew implimentati xi rakkomandazzjonijiet fosthom li t-tfal ikollhom ħin allokkat biex jaqraw il-karta tal-ezami u jkolhom break ta’ ġurnata bejn ezami u ieħor.
“Ikollhom ftit minuti fejn jisteljaw jaraw l-karta imbad jibdew jahdmu. Ikollhom break tal-ġurnata. Pruvajna nqasmu sessjonijiet biex it-tfal ma jkunux magħfusin.”
Fost ir-rakkomandazzjonijiet oħra hemm li l-eżami tal-Matematika jista jsir bil-lingwa maltija.
Hemm rakkomandazzjoni sabiex il-listening comprehension għall-Malti u l-Ingliż ma jibqax bl-użu ta’ awdjo biss, imma jintużaw filmati qosra. Filwaqt li hemm il-ħsieb li fl-eżamijiet tintuża t-teknoloġija diġitali.
Rakkomandazzjoni oħra hija li studenti barrani se jkollhom għażla għall-eżamijiet tal-Malti u tal-Ingliż bħala lingwi barranin.
Il-Ministru tal-edukazzjoni Evarist Bartolo elenka tlett pilastri ewlenien fl-edukazzjoni li huma x’titgħallem, kif titgħallem u kif tkejjel dak li titgħallem.Saħaq li b’dan l-iskop t-tfal jieħdu gost jitgħallmu għax jekk jieħdu gost jitgħallmu, jitgħallmu.
“Ma riedux li l-iskejjel ikunu fabbriki ta’ ezamijiet. Dak li tgħallimt tkun parti mill-ħajja edukattiva. Ma riedux ikun l-mument li mort quddiem xi imħallef u se jaqtalek ghal ħajja jew għal mewt.”