Il-Partit Nazzjonalista jinsab f’agunija.
Hekk iddeskriva s-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista Ranier Fsadni, esponent qrib ħafna tal-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
F’artiklu fuq The Times of Malta, Ranier Fsadni qal li l-Partit Nazzjonalista jinsab fi krizi tat-tmexxija. Bil-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ma jistax jistabbilizza l-krizi li hemm fil-partit.
“Taħt Adrian Delia, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jitlef ħafna voti, bid-distakk bejn il-Partit Labursita u l-Partit Nazzjonalista immexxi minn Delia, qiegħed dejjem jikber”, qal Fsadni.
Huwa nnota li Adrian Delia dejjem għamel l-affarijiet agħar fil-Partit Nazzjonalista, fosthom bl-iżball kbir li għamel meta l-Partit Nazzjonalista kellu jiddeċiedi min se jieħu s-siġġu parlamentari ta’ David Stellini.
Delia ried li Jean Pierre Debono jieħu siġġu parlamentari imma l-fazzjoni ta’ Busuttil riedet li Kevin Cutajar jieħu s-siġġu minħabba li huwa ġej mid-disrett ta’ Għawdex, l-istess distrett li ċeda s-siġġu Stellini.
Sitwazzjoni li kompliet iġġib lill-Partit Nazzjonalista f’sitwazzjoni agħar. Ħadd ma jista’ jwaħħal fil-fazzjonijiet jew fit-tradituri, iżda kienet sitwazzjoni fejn ma tridx xi għerf kbir biex tagħrafha, żied Fsadni.
Għaldaqstant, il-ħabib ta’ Simon Busuttil, qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jiddeċiedi jekk taħt t-tmexxija ta’ Adrian Delia huwiex se jkompli jitlef aktar voti.
Il-funzjoni ta’ partit politiku hija li jirbaħ l-elezzjoni. Jekk kap m’għandux saħħa biex jirbaħ, mela huwa parti mill-problema, kiteb Fsadni b’referenza diretta għal Delia.
Fl-istess waqt iddefenda lill-kapijiet preċedenti fosthom Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi u Simon Busuttil. Huwa qabeż għal Busuttil u qal li t-tmexxija tiegħu rebħet it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew.
Fsadni żied li jekk Adrian Delia se jkompli jitfa’ l-ħtija fuq ħaddieħor għax mhux kapaċi jmexxi, b’mod indirett ikun qiegħed jitfa’ l-ħtija fuqu nnifsu.