L-aħħar jiem urew b’mod ċar il-mod kif jimxi dan il-Gvern, li jwettaq riformi fejn meħtieġ. Hekk sostna l-Prim Ministru Joseph Muscat meta kien qed jindirizza djalogu ma’ diversi negozjanti u rappreżentati ta’ intrapriżi mtella’ mill-Kamra tal-Kummerċ Maltija.
B’referenza għal bidliet fosthom fil-liġi tal-kera, u azzjonijet li ttieħdu dwar il-qasam tal-kostruzzjoni, il-Prim Ministru fakkar li dawn kienu lkoll bidliet meħtieġa hekk kif ħafna minn dawn il-liġiijiet kienu staġnati.
Dwar il-qasam tal-kirjiet, Dr Muscat qal li l-Gvern żamm f’moħħu li l-liġi għandha tipprovdi ċertezza akbar fejn jidħol il-kuntratt tal-kera.
Qal li bl-emendi mħabbra, il-Gvern qed jinċentiva aktar il-kirijiet fit-tul, fosthom billi jimponi minimu ta’ sena kera għal kull kuntratt residenzjali.
Fuq kollox il-Prim Ministru laqa’ suġġerimenti tal-Kamra fuq diversi setturi fosthom dak tal-kostruzzjoni, u fakkar li l-aktar ħaġa importanti hija li r-responsabbiltajiet f’dan is-settur ikunu ċari.
“Issa jmiss l-implimentazzjoni. L-implimentazzjoni kif semmejt tal-liġiijiet il-ġodda dwar tħaffir u skavar li huma importanti u dawn iridu jiġu mħaddma b’mod fattibbli, kif ukoll il-liġi dwar il-kera. Waqt li għaddejjin tħejjijiet għal affarijiet oħra qed inħares ‘il quddiem li nibdew l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti.”
Dr Muscat tkellem ukoll dwar il-ftehim ma’ Ryan Air, li wassal għat-twaqqif tal-Malta Air li permezz tagħha, pajjiżna se jtejjeb il-konnettività mal-bqija tad-dinja.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Perit David Xuereb, faħħar il-proċess ta’ konsultazzjoni li fetaħ il-Gvern dwar bidliet fil-liġi tal-kostruzzjoni u qal li l-Kamra għaddejja bit-tfassil tal-viżjoni ekonomika tagħha għas-snin li ġejjin.