Fil-mitt sena anniversarju mill-irvellijiet tas-Sette Giugno, tnieda l-ktieb ‘X’ġara sew fis-Sette Giugno’ miktub mill-Professur Paul Bartolo.
Fl-inawgurazzjoni ta’ dan il-ktieb, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li jekk fl-irvellijiet tas-Sette Giugno, il-Maltin qamu għal jeddijiethom kontra l-kolonja Ingliża, l-għaqal u l-maturità politika tagħhom wasslu lil pajjiżna sabiex tassumi responsabiltajiet ġodda ma’ pajjiżi oħra. L-Ispeaker semma’ l-eżempju ta’ meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea, fejn ir-rilevanza politika hija ħafna akbar mid-daqs fiżiku ta’ Malta.
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati saħaq li l-ispirtu tal-irvellijiet tas-7 ta’ Ġunju 1919 għadu ħaj fina l-Maltin. Dan l-ispirtu jispirana biex inħarsu ’l quddiem, nikkollaboraw flimkien għall-ġid komuni tal-poplu Malti. Dakinhar, suldati Ingliżi qatlu u darbu diversi Maltin u Għawdxin li ħarġu jipprotestaw u jitolbu lill-gvern Imperjali aktar rispett u miżuri kontra l-faqar, l-injoranza u l-qgħad. Il-prijoritajiet Imperjali Ingliżi kienu li Malta tkun kolonja Brittanika u sservi l-interessi tal-Imperu Brittaniku. Huwa qal li l-Maltin riedu bi dritt għajxien dinjituż u għaldaqstant, talbu li jkollhom gvern responsabbli mmexxi minnhom stess. Din it-talba titqies bħala l-ewwel pass lejn:
- l-iżvilupp ta’ demokrazija rappreżentattiva f’pajjiżna;
- twaqqif ta’ Gvern Malti sovran u indipendenti;
- lejn Malta li tieħu l-post li jixirqilha fil-komunità tan-nazzjonijiet; u
- lejn Malta li tistinka għall-paċi, is-sliem u l-progress f’diversi oqsma tal-ħajja umana fid-dinja.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia kompla billi qal li dan kollu nkiseb snin wara permezz tal-Indipendenza ta’ Malta fl-1964, permezz tal-approvazzjoni mill-Parlament tat-tibdil kostituzzjonali fl-1974 li pproklama t-twaqqif tar-Repubblika ta’ Malta, u fl-1979, it-tmiem tal-bażijiet militari Ingliżi minn Malta.
Fl-għeluq il-mitt sena mill-irvellijiet tas-7 ta’ Ġunju 1919, l-Ispeaker appella biex il-Maltin ma jinsew qatt it-tajjeb tal-imgħoddi tagħhom, anzi għandhom jibnu fuq dan it-tajjeb għal ġid tagħhom u ta’ ħaddieħor.