Mal-mument li tħabbret iż-żieda tal-vapur ‘MV Nikolaos’ mal-flotta tal-Gozo Channel, il-Partit Nazzjonalista ħareġ qatta’ bla ħabel jikkritika d-dħul fis-servizz ta’ dan il-vapur.
Madankollu issa li ilu jopera għal numru ta’ ġimgħat, l-esperjenza tal-passiġġieri li jagħmlu t-traġitt bejn Malta u Għawdex hija evidenza ċara ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista għal darba oħra f’mossa biex jirbaħ punti politiċi reġa’ kien lil hinn mill-verità fil-kritika tiegħu.
Il-vapur il-ġdid tal-Gozo Channel beda jħalli effetti pożittivi tanġibbli li qed jinħassu minn dawk kollha li jagħmlu t-traġitt bejn Malta u Għawdex b’mod partikolari fil-ħin li qabel l-Għawdxin kienu jagħmlu biex jaqbdu l-vapur ‘l isfel lejn Malta.
ONE NEWS tkellem ma’ bosta passiġġieri hekk kif temmew it-traġitt fuq l-‘MV Nikolaos’. Dawn ma kellhom xejn għajr kliem ta’ tifħir għaż-żieda tal-vapur il-ġdid mal-flotta.
Raymond Borg, Ħaddiem tal-Gozo Channel stqarr magħna kif mal-introduzzjoni tar-raba’ vapur mill-ewwel inħasset id-differenza hekk kif il-kju li kien ikun hemm fi tmiem il-ġimgħa naqas b’mod drastiku.
Il-vapur ‘MV Nikolaos’ għandu wkoll magni iżjed b’saħħithom minn dawk tal-vapuri l-oħra fil-flotta tal-Gozo Channel u għalhekk jieħu ħafna inqas ħin biex jaqsam il-fliegu bejn Malta u Għawdex.
Dan filwaqt li l-introduzzjoni ta’ dan il-vapur li jesa’ 160 vettura u 650 passiġġier, tagħmilha possibbli sabiex l-iskeda tas-sajf tkun waħda iżjed effiċjenti b’żieda fl-ammont ta’ traġitti hekk kif is-servizz jingħata permezz ta’ tlett vapuri flok tnejn.
Vapur ieħor huwa dedikat għall-vetturi kummerċjali. Dan it-titjib żgur mhux forsi se jkompli jintlaqa’ b’mod pożittiv speċjalment fix-xhur tas-sajf fejn bosta turisti u Maltin jerħewlha lejn il-Gżira Għawdxija.