Il-Programm ta’ Ċittadinanza b’ investiment li s’issa ġab lejn pajjiżna iktar minn mitejn miljun ewro, reġa’ fil-mira tal-Partit Nazzjonalista, li qed jerġa jipprova jitfa’ l-bsaten fir-roti.
Dan billi juża żball min-naħa tal-Kummissjoni elettorali li daħħlet ċittadini mhux eliġibbli li jivvutaw fir-reġistru elettorali, biex jipprova jnaqqas mill-kunfidenzjalità tal-Programm ta’ Ċittadinanża b’Investiment.
Fil-Qorti l-Partit Nazzjonalista qed jippressa biex Identity Malta tagħti iktar informazzjoni milli meħtieġa mil-liġi, meta fi kliem ic-Chairman Eżekuttiv ta’ Identity Malta, Joe Vella Bonnici, l-entità l-anqas biss għandha x’taqsam ma’ dan l-iżball għaliex xogħlha hu biss li tiġbor il-formola tal-vot.
Vella Bonnici irrimarka kif hija ironika li minkejja li l-Kummissjoni Elettorali talbet li tirtira dawn il-persuni minn fuq ir-Reġistru, il-Partit Nazzjonalista qed jirrifjuta li dan isir mingħajr wieħed u disgħin sentenza individwali tal-qorti.
Spjega kif il-mekkaniżmu li bih tinkiseb informazzjoni dwar min kiseb iċ-Ċittadinanza b’ investiment hija regolta bil-liġi. Fost oħrajn billi l-ismijiet ikunu ippublikati fuq il-gazzetta tal-gvern. Għalhekk Identity Malta ma tistax taċċetta li xi ħadd japprofitta ruħu minn liġijiet oħra biex toħroġ informazzjoni personali fuq ċittadini Maltin, bi ksur tal-liġi tal-Protezzjoni tad-Data u l-liġi tal-elezzjonijiet.
Għaldaqstant Vella Bonnici sostna li l-informazzjoni żejda li qed tintalab, bla dubju se tħalli impatt negattiv fuq is-suċċess tal-programm.
“Huwa importanti li dan il-programm nipproteġuh kemm nistgħu” qalilna Joe Vella Bonnici.
Stqarr li Identity Malta tivverifika l-applikazzjonijiet sew, tant li pajjiżna għandu waħda mill-ogħla rati ta’ rrifjutar t’ applikazzjonijiet. Għalhekk xkiel żejjed jagħmilha iktar diffiċli għall-programm hekk kif il-kompetizzjoni għal dawn l-investituri qed tiżdied.