Sa tliet snin oħra, Malta se tesporta lejn is-suq Ewropew, bi kważi biljun ewro fi prodotti mediċinali magħmula mill-kannabis.
Dan sostnieh il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt konferenza f’Londra dwar l-użu tal-kannabis għal skop mediċinali.
F’indirizz li għamel, il-Prim Ministru Malti spjega kif pajjiżna kien l-ewwel stat membru li lleġiżla qafas regolatorju ħolistiku biex ikun hemm produzzjoni tal-mediċina magħmula mill-kannabis.
Mindu din il-liġi daħlet fis-seħħ, ftit aktar minn sena ilu, f’pajjiżna resqu sitta u erbgħin proġett propost u li minnhom, għoxrin ġew approvati, saħaq Dr. Muscat.
“Dawn il-proġetti approvati mistennija jinvestu madwar mitt miljun ewro f’investiment kapitali u joħolqu seba’ mitt impjieg full time”, saħaq il-Prim Ministru fil-konferenza Cannabis Europa.
“Minkejja li approvajna għoxrin proġett, m’aċċettajniex dsatax-il proġett propost ieħor”, irrimarka l-Prim Ministru b’xhieda ta’ kemm Malta għandha qafas li jieħu bis-serjetà l-proċessi ta’ verifika ta’ kull proġett.
Huwa qal li pajjiżna huwa art fertili għall-innovazzjoni u spjega kif l-industrija tal-farmaċewtika f’pajjiżna hija waħda b’saħħiha fejn illum il-ġurnata timpjega tliet t’elef ħaddiem.