120 pazjent b’kundizzjoni rari li s’issa riedu bilfors jiġbru l-mediċini mingħajr ħlas mill-Isptar Mater Dei issa jistgħu jiġbru dawn mill-ispiżerija tal-għażla tagħhom, hekk kif l-iskema tal-POYC issa ġiet estiża għal dawn il-pazjenti wkoll.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, li spjega li din l-estensjoni se tidħol fis-seħħ minn din il-ġimgħa stess grazzi għal investiment żejjed ta’ żewġ miljun u ħamest elef ewro fuq din l-iskema.
Celia Falzon, il-Kap Eżekuttiv tal-POYC, spjegat li pazjenti b’mard rari ġieli lmentaw mill-fatt li kienu kostretti jiġbru l-mediċini tagħhom mill-isptar, xi ħaġa li għal żmien twil kienet ta’ skariġġ għalihom u għal qrabathom.
“Kellna xi ftit każi fejn il-pazjenti talbu li jiġbru l-mediċina mill-ispiżeriji u aħna lqajna dawn is-suġġerimenti. Ridna naqdu lil dawn il-pazjenti. Veru huwa numru żgħir ta’ pazjenti imma huma l-aktar fil-bżonn biex jinqdew bl-aħjar mod u bl-anqas skariġġ.”
B’kollox, mija u erbgħin elf persuna qed jibbenefikaw mis-servizz tal-POYC, li kull sena jiswa lill-Gvern mat-tmienja u għoxrin miljun ewro.
Il-Ministru Fearne spjega li l-iskema hija offruta f’aktar minn għoxrin spiżerija madwar il-pajjiż, fejn qed jiġu offruti aktar minn mitejn u ħamsin miljun tip ta’ mediċina differenti.
“Ikollna kundizzjonijiet rari li jitfaċċaw darba kull erba’ snin li ma tagħmilx sens li jkollok stokk għalihom. Iżda ladarba kun hemm talba l-Gvern iġib il-mediċini speċifiċi għal dak il-pazjent. Fil-fatt issa għandna madwar 70 mediċina li l-Gvern iġib għal persuni b’mard rari u dawn issa bdew jitqassmu minn spizeriji tal-għġazla tagħhom.”