Żvolta ġdida fil-kriżi li ħakmet lill-Partit Nazzjonalista bil-fazzjoni ta’ Delia tibda tiġbor il-firem tat-tesserati titlob lill-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista twaqqaf is-sejħa li qed issir mill-fazzjoni ta’ Busuttil u tesprimi fiduċja sħiħa fil-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
L-ittra mibgħuta lill-President tal-Kunsill Ġenerali u deputat Kristy Debono saret b’reazzjoni għall-petizzjoni mmuntata mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li qed titlob biex jissejjaħ Kunsill Ġenerali li matulu l-kunsillieri Nazzjonalisti jivvotaw b’mod sigriet dwar jekk Delia għandux jirriżenja minn kap tal-partit wara ż-żewġ telfiet elettorali li ġarrab fil-25 ta’ Mejju li għadda.
Il-membri tal-Partit Nazzjonalista li jinsabu urtati bid-deputati tal-fazzjoni ta’ Busuttil, qed jitolbu lil Debono biex ma tilqax it-talba li qed issir fil-petizzjoni. Dan għax skonthom hija biss il-Konvenzjoni Ġenerali li tista’ teleġġi t-tmexxija tal-partit.
Fl-ittra tagħhom huma tefgħu wkoll il-ħtija tar-riżultat diżastruż li ġarrab il-partit Nazzjonalista fuq il-fazzjoni ta’ Busuttil u l-qasma li ġabu fil-partit.
“M’hemmx dubju li partit maqsum ma jistax jirbaħ elezzjoni. Mhux sigriet li mindu Delia ħa t-tmun tal-partit, huwa ma tħalliex jaħdem b’mod seren minn dawk li għamlu dak kollu li jistgħu biex iwaqqfuh milli jkun il-kap tal-partit. L-imġiba xejn xierqa min-naħa ta’ ċertu deputati u uffiċjali m’għenet xejn din is-sitwazzjoni.”
L-ittra tal-membri ħarġet tattakka wkoll lil bloggers bħal Manuel Delia u għaqdiet mhux governattivi bħal Repubblika u Occupy Justice li skonthom wasslu għat-telfa kbira li ġarrab il-Partit Nazzjonalista.
“L-istess nies li kienu responsabbli għat-telfa elettorali fl-2013 u li t-tesserati warrbu fl-2017 huma l-id moħbija wara dawn il-manuvri politiċi. Dawk li ġibdu l-ispag dawk iż-żmien, illum għadhom hemm u jridu jieħdu mill-ġdid il-kontroll tal-partit. Ma nistgħux nibqgħu nipproteġu l-istatus quo”, żiedu jgħidu.
Il-membri li esperimew il-fiduċja sħiħa tagħhom f’Adrian Delia, talbu lil Debono wkoll biex tibda proċess għall-bidliet neċessarji biex il-partit Nazzjonalista jerġa’ jsir partit rebbieħ. Huma talbu wkoll li jittieħdu passi kontra deputati u uffiċjali fil-Partit Nazzjonalista li b’mod ċar qed juru li ma jridux jaħdmu b’mod kollettiv u qed jagħmlu ħsara lill-partit. Huwa talbu wkoll li jibda proċess biex jinġiebu nies lura fil-partit li tbiegħdu minnu minħabba l-attitudni ta’ dawk li jridu jżommu l-kontroll tal-partit.
Rapporti fil-midja qed jirrapportaw li l-ittra qed titqassam fil-kumitat tal-Partit Nazzjonalista madwar Malta u Għawdex b’sinjal ta’ appoġġ għal Adrian Delia u jisħqu li l-kap tal-Partit ma jistax jitneħħa b’vot fil-Kunsill Ġenerali hekk kif qed isostnu d-deputati fil-fazzjoni ta’ Busuttil.
F’kummenti lill-midja Debono qalet li s’issa għadha ma waslitilha l-ebda petizzjoni li ssejjaħ għall-Kunsill Ġenerali.
L-ittra tat-tesserati ssostni li għalkemm il-Kunsill Ġenerali huwa l-ogħla organu tal-partit, hija Konvenzjoni Ġenerali li teleġġi t-tmexxija tal-partit.
B’reazzjoni, sorsi qrib il-fazzjoni ta’ Busuttil qalu ma’ one.com.mt li l-manuvra ta’ Delia m’għandha l-ebda bażi fl-istatut għax skont jitkellem dwar firem ta’ kunsilliera u mhux ta’ tesserati. Huma żiedu jfissiru din il-manuvra bħala tattiċi patetiċi ta’ min jinsab daru mal-ħajt.