Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qed tuġgħu żaqqu għax it-tmexxija ta’ Adrian Delia ħadet deċiżjonijiet strateġiċi li tattakka tal-Occupy Justice.
Id-deputat Nazzjonalista magħruf li huwa b’ruħu b’ġismu lejn il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil ikkummenta fuq facebook billi bagħat messaġġ li t-tmexxija ta’ Adrian Delia attakkat lil dawk li dejjem kienu għeżież għall-Partit Nazzjonalista fosthom it-Times of Malta u l-Occupy Justice.
Dan bi tweġiba għall-kumment li kiteb Julian Saliba li kritika bl-aħrax l-atteġġjament ta’ Azzopardi u sħabu li kull darba qed ifixklu lill-Kap u jaqtgħulu saqajh.
Julian Saliba saħansitra għajjar lil Jason Azzopardi u l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil bħala l-arkitetti tad-dittatorjat f’pajjiżna.
Bi tweġiba għal dan, Jason Azzopardi ma qgħadx lura u kompla jitgħajjar billi anki saħaq li huwa qatt ma talab għar-riżenja ta’ Simon Busuttil.
Dan b’referenza għal meta ġew ippubblikati l-konklużjonijiet ċari tal-inkjesta Egrant fejn sar magħruf li din kienet mhux biss gidba iżda storja frame-up fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-familja tiegħu.
Dakinhar Delia kien talab lil Busuttil biex iwarrab iżda imbagħad ċeda għall-pressjoni billi żammu fil-grupp parlamentari u saħansitra beda jagħmel tiegħu din il-gidba ċċertifikata biex jipprova jingħoġob mal-fazzjoni ta’ Busuttil.
Fuq il-midja soċjali, l-affari kompliet tbaqbaq sew fejn Julian Saliba, li deher sew x’qed jikteb fisser l-intriċċi li għaddejjin fil-Partit Nazzjonalista bħal dawk li jseħħu f’Partit Komunista.
Huwa ddeskriva wkoll l-klikka ta’ Simon Busuttil, ewlieni fosthom Jason Azzopardi bħala sriep u li jekk dawn xi darba jerġgħu jieħdu r-riedni tal-partit, huwa jagħmel minn kollox biex dawn jisparixxu.