Bdiet ġimgħa oħra mqallba għall-Partit Nazzjonalista wara li l-Ħadd waranofsinhar sar magħruf li nġabru biżżejjed firem biex jitlaqqa’ Kunsill Ġenerali Straordinarju li matulu mistenni jittieħed vot sigriet dwar il-ġejjieni ta’ Adrian Delia fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt sal-Ħadd waranofsinhar il-petizzjoni mbottata mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil qabżet il-mija u ħamsa firma meħtieġa biex jiskatta dan il-proċess li mistennija rwiefen kbar fil-Partit Nazzjonalista, l-aktar fost it-tesserati li anqas minn sentejn ilu eleġġew b’mod demokratiku lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Fil-petitzzjoni jingħad li r-riżultati tal-elezzjonijiet li għaddew qed ipoġġu lill-Partit Nazzjonalista f’riskju serju. Hemm ukoll tfakkira li l-Partit Nazzjonalista tilef bl-akbar distakk mill-Indipendenza ‘l hawn.
Jingħad ukoll li ġaladarba nġabru l-150 firma, il-Partit Nazzjonalista għandu ġimgħa ċans biex ilaqqa’ l-Kunsill Ġenerali u jgħaddi vot fuq jekk Delia għandux jerfa’ r-responsabbiltà politika jew le.
Sorsi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista kkonfermaw ma’ ONE NEWS li din il-petizzjoni bdiet tiġi ccirkolata minn nies tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil; bil-gazzetta ILLUM qalet li fost dawn hemm nies qrib Beppe Fenech Adami u Jason Azzoppardi.
Intant it-Tnejn filgħodu l-ex President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut żvela li ffirma din il-petizzjoni. Waqt li xerred l-artiklu ppubblikat min-negozjant Ivan Bartolo li kien l-ewwel persuna li ffirma l-petizzjoni qal li wara li fl-aħħar ġimgħat kienu bosta li kellmuh minn bosta fergħat tal-Partit Nazzjonalista, huwa wkoll iddeċieda li jiffirma l-petizzjoni li titlob lill-partit ilaqqa’ l-kunsill penerali u jittieħed vot ta’ fiduċja fit-tmexxija ta’ Delia.
Sostna li dan jeħtieġ isir tal-bilfors minħabba r-riżultat diżastruż li ġab il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew.
Sammut li skont l-ex Kap tal-Midja tal-Partit Nazzjonalista Pierre Portelli weġġa’ u ta daqqiet kbar lill-Partit Nazzjonalista, qal li fl-aħħar sena u nofs ħadem bla waqfien biex l-għaża tat-tesserati Nazzjonalisti tkun suċċess izda qal li dan falla bil-kbir.
Intant fost id-deputati li xerred l-messaġġ ta’ Sammut kien hemm id-deptuata Nazzjonalista Cluadette Buttigieg li x’aktar hi waħda mid-deputati Nazzjonalisti li ffirmat il-petizzjoni kontra Adrian Delia.